Id-dipressjoni

Huwa fatt magħruf li l-kundizzjonijiet psikoloġiċi, żdiedu b’rata kemmxejn qawwija, f’dawn l-aħħar snin. Infatti, l-kundizzjoni tad-dipressjoni hi kkunsidrata bħala l-aktar waħda komuni, u li tista’ tolqot lil nies ta’ kull età, inkluż tfal.

Id-dipressjoni hi kundizzjoni li taffettwa kif persuna tħossha, kif taġixxi u kif taħseb, fil-ħajja ta’ kuljum. Ħafna drabi, min ikun qed ibati minn dipressjoni jibda jħoss diversi emozzjonijiet ta’ dwejjaq b’mod kontinwu, jew nuqqas ta’ interess f’attivitajiet li qabel kien iħossu komdu jagħmel. Jista’ jkun, li dawn l-emozzjonjiet negattivi, iwasslu għal nuqqas ta’ attenzjoni, kemm fuq il-post tax-xogħol jew anke fl-iskola. Sintomi oħra li juru li wieħed jista’ jkun qed ibati minn dipressjoni, speċjalment jekk ikunu preżenti għal iktar minn gimgħatejn wara xulxin, jinkludu; nuqqas ta’ rqad, telf ta’ aptit, jew żieda fil-porzjonijiet tal-ikel,  ħsibijiet ta’ qtigħ il-qalb jew nuqqas ta’ kunfidenza.

Ħafna drabi, id-dipressjoni taħkem lil dak li jkun f’fażijiet, jiġifieri jista’ jkun hemm waqtiet li wiehed ikun qed iħossu pjuttost tajjeb, iżda mbagħad jiħu mumenti oħrajn fejn wieħed iħossu mdejjaq ħafna, u jiġi affettwat minn diversi sintomi ta’ din il-kundizzjoni. Ikun għalhekk importanti, li meta wieħed jinduna li din il-kundizzjoni qed taffettwah b’mod kroniku, jew iktar spiss, jieħu parir mediku jew parir psikoloġiku. Dan għax, jekk din il-kundizzjoni ma tiġix trattata kif suppost, wieħed ikun iktar f’riskju li terġa’ taqbdu, aktar ‘il quddiem.

Sfortunatament, illum il-ġurnata qegħdin ngħixu f’socjetà fejn ċerti nies, ma jqisux id-dipressjoni bħala kundizzjoni medika. Però, dan mhuwiex minnu. Għaliex, din hi kundizzjoni li jekk ma tiġix ikkontrollata, jaf twassal għal riperkussjonijiet gravi; kemm fiżiċi, kif ukoll mentali u soċjali; bħal telf ta’ xogħol, rikoverazzjoni fi sptar, stress qawwi, ansjetà żejda, problemi fir-relazzjonijiet ta’ kuljum, u kif wkoll, ħsibijiet ta’ suwiċidju.

Din il-kundizzjoni tista’ tiħi trattata permezz ta’ visti regolari għand psikologi kliniċi, li jużaw mezzi diversi, bħal ‘cognitive behavioural therapy’, biex wieħed ikun jista’ jaqleb għall-aħjar. Jekk dan ma jkunx biżżejjed, wieħed jista’ jirrikorri għand it-tabib tiegħu, jew għand psikjatra, biex ikunu jistgħu jinbdew mediċini apposta kontra d-dipressjoni. Ħafna drabi, dawn jieħdu ġimgħat sakemm jibdew jaħdmu, allura hu importanti li wieħed jibqa’ jieħu t-trattamenti b’mod regolari. Wieħed għandu dejjem jiftakar li teżisti għajnuna varja biex tiġi kkontrollata din il-kundizzjoni, speċjalment f’mumenti koroh.

Share With: