Il-Gvern irċieva mad-9,000 talba għal ripatrijazzjoni

Il-Ministru Evarist Bartolo: “Qegħdin nistennew ħafna iktar sejħiet. Din hija l-iktar sitwazzjoni diffiċli għal pajjiżna mill-Gwerra ‘l hawn.”

Minn Matthew Charles Zammit

Fi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu minn Inewsmalta, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej Evarist Bartolo kkonferma li s’issa, il-Gvern irċieva mad-9,000 talba ta’ ripatrijazzjoni, kemm minn Maltin li jaħdmu barra minn xtutna, kif ukoll dawk ta’ residenti barranin li jaħdmu f’Malta li xtaqu jirritornaw lura lejn pajjiżhom.

Il-Ministru Bartolo saħaq li dan in-numru mistenni jitla’ iktar ma jgħaddi ż-żmien, filwaqt li ddeskriva ż-żminijiet ta’ bħalilssa “bħala l-iktar perjodu diffiċli li pajjiżna qiegħed jiffaċċja minn żmien il-Gwerra lil hawn.”

“Huwa sorprendenti l-fatt li l-Maltin jmorru jaħdmu u jaqilgħu l-għajxien ta’ ħajjithom minn pajjiżi mxerrda mad-dinja kolllha, anke dawk minn barra l-konfini tal-Unjoni Ewropeja. Irċevejna telefonati minn Maltin ġewwa t-Tajlandja. Irċevejna sejħa wkoll anke mill-Gżira ta’ Santa Luċija fil-Karibew.”

Apprezzament tal-ħidma tal-Gvern Malti minn pajjiiżi barranin

Il-Ministru Bartolo kkonferma wkoll li qiegħed isir kuntatt kontinwu ma’ dawn il-persuni. “Iktar ma tmur, is-sitwazzjoni qiegħda ssir iktar diffiċli, hekk kif iktar pajjiżi qegħdin jagħlqu l-konfini u l-ajruporti tagħhom.”

“Pereżempju,  dawk il-persuni li jinsabu fil-kontinent Asjatiku, qegħdin isiru l-arranġamenti biex kemm jista’ jkun jiġu lura pajjiżna tramite l-Ġermanja, hekk kif ilħaqna ftehim mal-Awtoritajiet Ġermaniżi u l-kumpanija Lufthansa biex dawn ikunu jistgħu jirritornaw l-kontinent Ewropew.”

Kien hawnhekk li l-Ministru Bartolo saħaq kif il-Gvern Malti kien qiegħed jikkopera bil-qrib ma’ Ministeri oħra tal-Istati Membri tal-UE. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin tenna li numru ta’ ħaddiema u residenti Maltin li huma ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi kienu qegħdin jintbagħtu lura pajjiżhom fuq titjiriet tal-Air Malta, u l-Gvern Malti kien dispost li jagħti l-appoġġ finanzjarju biex dan iseħħ.

“Ta’ dan, aħna bħala Gvern irċevejna ringrazzjament minn numru ta’ pajjiżi differenti, fosthom dak tar-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza, l-Italja u anke pajjiżi mhux Ewropej bħall-Eġittu. U dan kollu għamilnieh, għax aħna bħala pajjiż nemmnu li biex niġġieldu din il-gwerra dinjija tant qalila, hemm bżonn is-solidarjetà bejnietna.”

“Għal Malta, il-globalizzazzjoni mhix ideoloġija: hija realtà ta’ kuljum”

Il-Ministru Evarist Bartolo

Il-Ministru Bartolo saħaq li dan il-messaġġ ta’ solidarjeta intqal ukoll waqt l-laqgħat ta’ frekwenti li huwa kien qiegħed ikollu mal-Ministeri għall-Affarijiet Barranin ta’ pajjiżi oħra. “Huwa vera kif jgħidu, li charity begins at home, pero l-argument tagħna huwa li l-Ewropa għandha tkun id-dar tagħna lkoll. Bħala stati membri f’unjoni mibnija fuq il-prinċipji tas-solidarjeta, huwa iktar importanti minn qatt qabel li naħdmu flimkien.”

Skontu, wasal iż-żmien li l-membri stati tal-Unjoni Ewropeja “juru bil-fatti jekk verament jemmnux fil-proġett tal-Unjoni Ewropeja u tas-suq wieħed Ewropew. “Ma jistax ikun li nipprietkaw favur is-single market Ewropew, imbagħad meta jiġu għas-si u n-no, il-pajjiżi l-kbar jiddeċiedu li jirtiraw minnu.”

“Aħna bħala gżira, l-ekonomija tagħna hija indubbjament waħda mill-iktar milquta: ix-xorti tagħna hija marbuta ma’ dak li qiegħed jiġri fid-dinja tal-madwar. Ma nistgħux ngħixu bħala pajjiż jekk ma nimpurtax, u l-ekonomija tagħna ma tistax tkun iġġenerata jekk ma nesportawx. Il-globalilzzazzjoni għalina mhix biss ideoloġija; għalina hija realtà ta’ kuljum. U fid-dawl tal-Covid-19, dan qegħdin inħossuh ta’ kuljum.”

Share With: