Il-każi jiżdiedu bi 19 oħrajn … Tiżdied it-trasmissjoni lokali … Fosthom hemm anzjan ta’ 81 sena

Mit-testijeit li saru matul dawn l-aħħar sigħat irriżultaw 19-il każ ġdid ta’ infezzjonijiet bil-coronavirus. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li żvolġiet ftit tal-ħin ilu fejn ingħata aġġornament dwar is-sitwazzjoni relatata mal-COVID-19 f’pajjiżna. Il-każi ta’ infezzjonijiet f’pajjiżna issa tela’ għal 129 każ.

Minn dawn id-19-il każ kien hemm seba’ każi ta’ trasmissjonijiet lokali fejn ma nstabx kif ġew infettati.

Il-Professur gauci qalet li fl-aħħar sigħat saru 488 swab li minnhom 80 kienu tal-ġurnata ta’ qabel u li nħadmu matul il-lejl li għadda.

B’referenza għat-tliet każijiet tal-bieraħ u kif iż-żieda telgħet għal 19 illum, il-Profoessur Gauci tenniet li issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn il-każijiet jibdew tilgħin ’il fuq. Hija saħqet li bħala pjan ta’ kontinġenza l-awtoritajiet tas-saħħa se jkomplu bis-swabbing biex kemm jista’ jkun jipu identifikati dawk in-nies sintomatiċi u li eventwalment ikunu infettati bil-virus, biex jitpoġġew f’iżolament u jkun aċċertat il-konteniment tal-marda. Hija qalet li sal-lum il-ġurnata saru 3,819 swab.

Tmien każi relatati ma’ vjaġġar

Intant mid-19-il każ rapportati llum kien hemm tmien każijiet li huma relatati ma’ vjaġġar. Dawn jinkludu tliet każijiet ta’ persuni li kienu siefu lejn l-Ingilterra. It-tmien każijiet jinvolvu lil mara ta’ 47 sena, u oħra ta’ 23 sena, żewġt iqraba li huma raġel Ingliż ta’ 54 sena u t-tifel tiegħu ta’ 22 sena, u mara spanjola ta’ 40 sena residenti Malta li kienet siefret lejn Spanja. Kienu reġistrati żewġ każijiet ta’ persuni li vjaġġaw mill-Awstrija – raġel ta’ 52 sena u żagħżugħ ta’ 19-il sena. L-aħħar każ jikkonċerna lil mara Maltija ta’ 56 sena li kienet imsiefra l-Polonja.

Erba’ każi ta’ trasmissjoni lokali marbutin ma’ każijiet li kienu diġà magħrufin

Il-professur Gauci qalet li mid-19-il każ kien hemm ukoll erba’ każi ta’ trasmissjoni lokali li kienu marbutin ma’ każi oħrajn ta’ persuni infettat bil-coronavirus li kienu diġà magħrufin.

L-ewwel każ jikkonċerna lil raġel Malti ta’ 21 sena li huwa konness ma’ żewġ każijiet oħrajn li rriżultaw fl-Aġenzija Sapport. Hija spjegat kif qed isir proċess ta’ contact tracing bil-għan li l-virus ma jkomplix jinxtered u qalet li hemm persuni li qed jinżammu fi kwarantina bħala prekawzjoni.

Każ ieħor jirrigwarda lil raġel ta’ 58 sena li huwa qarib ta’ persuna li taħdem fis-settur tas-saħħa u li wkoll kienet diġà rriżultat pożittiva għall-coronavirus.

It-tielet każ jikknċerna lil raġel li ġie f’kuntatt ma’ persuna oħra infettata waqt li kien qed jattendi il-gym. Dan qabel ma l-gvern ħareġ direttiva biex il-gyms, fost stabbilimenti oħrajn, għalissa jingħalqu biex il-marda ma tkomplix tinfirex.

L-aħħar każ huwa dak ta’ mara ta’ 52 sena li għandha qarib tagħha li kien irriżulta għall-COVID-19.

Seba’ każi oħrajn ta’ trasmissjoni lokali

Intant il-Prof. Gauci qalet li fost dawn id-19-il każ kien hemm ukoll seba’ każijiet oħrajn ta’ persuni infettati li mill-investigazzjonijiet li saru mhuwiex magħruf kif ġew infettati bil-virus.

Fost dawn il-każi hemm anzjan ta’ 81 sena li ddaħħal l-Isptar Mater Dei u li qed jinżamm fl-Infectious Diseases Unit. Ir-raġel kien deskritt bħala li mhuwiex f’riskju ta’ kumplikazzjonijiet kaġun tal-coronavirus.

Intant is-sitt każijiet l-oħrajn ta’ trasmissjoni lokali jikkonċernaw lil raġel ta’ 27 sena, raġel Taljan ta’ 38 sena li huwa residenti Malta, ħaddiem fis-settur tas-saħħa ta’ 24 sena, ħaddiem ieħor li jaħdem fis-settur tas-saħħa li huwa ta’ nazzjonalità Ċiniża, raġel Malti ta’ 47 sena, u bl-aħħar każ jikkonċerna lil mara Maltija.

Intant b’referenza għall-każ tar-raġel ta’ 61 sena infettat bil-coronavirus u li qed ibati minn pulmonite fiż-żewġ pulmuni, il-Professur Gauci qalet li dan għadu qed jinżamm fit-Taqsima tal-Kura Intensiva. hija ddeskriviet l-qagħda tiegħu bħala waħda instabbli, madankollu mhuwiex f’qagħda kritika.

Share With: