Il-kompetizzjonijiet tal-MFA sospiżi b’mod indefinit

F’laqgħa li saret permezz ta’ video-conference il-Bureau tal-MFA ħa d-deċiżjoni li jissospendi b’mod ulterjuri t-tkomplija tal-kompetizzjonijiet kollha għal perjodu indefinit.

Kif imħabbar diġà, l-Assoċjazzjoni se tkun qed issegwi s-sitwazzjoni partikolarment dawk id-direttivi mogħtija mill-awtoritajiet tas-saħħa. Barra minn hekk, f’każ li jiġi deċiż li l-kompetizzjonijiet jitkomplew, il-klabbs se jkunu mogħtija preavviż ta’ mill-inqas ġimagħtejn.

L-Assoċjazzjoni qiegħda żżomm kuntatt mill-qrib mal-UEFA u mal-FIFA biex issegwi kwalunkwe direzzjoni li dawn jagħtu. F’dan is-sens, din il-ġimgħa se ssir laqgħa għas-Segretarji Ġenerali tal-Assoċjazzjonijiet Nazzjonali kollha tal-UEFA fejn se jiġu diskussi l-kwistjonijiet l-aktar kruċjali fil-mument, bħall-kalendarju, l-eżitu tal-kompetizzjonijiet Ewropej u domestiċi, il-liċenzjar, u l-kuntratti tal-players u l-coaches fis-sitwazzjoni preżenti.

Lokalment, il-president tal-Assoċjazzjoni, qiegħed ukoll iżomm laqgħat informali mal-presidenti tal-clubs u l-assoċjazzjonijiet membri biex l-MFA iżżomm lil kulħadd aġġornat dwar l-iżviluppi kollha waqt din il-kriżi bla preċedent.

Share With: