Il-Parlament jawtorizza lill-Gvern iżid id-dejn b’€100 miljun

L-ammont massimu totali għal self għal din is-sena mill-Gvern Ċentrali se jiżdied għal massimu ta’ €2 biljun

Il-Parlament ta l-awtorizzazzjoni tiegħu lill-Gvern biex iżid il-massimu ta’ dejn minn €300 miljun għal €400 miljun ħalli jkun jista’ jagħmel tajjeb għas-sitwazzjoni li jinsab fiha l-pajjiż minħabba l-coronavirus.

Il-Gvern għamel din it-talba lill-Parlament minħabba li fit-13 ta’ Frar 2019 kien ġie deċiż li l-ammont massimu ta’ dejn tal-Gvern ma jkunx aktar minn €300 miljun.

Peress li d-dejn pendenti mhux negozzjabbli, inkluż ir-Retail Savings Bonds, laħaq il-€290 miljun il-Gvern kważi laħaq l-ammont massimu u għalhekk kellu jirrikorri għall-Parlament biex jieħu permess iżid id-dejn.

L-Oppożizzjoni approvat it-talba tal-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna biex ikun jista’ jżid il-massimu ta’ dejn għal €400 miljun biex ikun jista’ jiffaċċja s-sitwazzjoni li għaddej minnu l-pajjiż.

Fid-diskussjoni li saret intervjenew diversi deputati parlamentari miż-żewġ naħat b’ħafna minn dawk tal-Gvern isemmu l-għajnuna li qed jagħti biex isalva n-negozji u l-impjiegi u dawk tal-Oppożizzjoni appellaw biex jiġu mgħejjuna aktar setturi.

Il-Gvern ħa dan il-pass biex ikollu finanzi biżżejjed biex jgħin lil dawk milquta anke peress li d-dħul tiegħu se jonqos minħabba li issospenda l-ħlas ta’ taxxi, VAT u kontribuzzjonijiet soċjali dovuti mill-kumpaniji u self-employed f’Marzu u April.

Huwa u jindirizza lill-Parlament, il-Ministru Scicluna irrimarka li kien hemm bżonn ta’ dan il-pass hekk kif id-dħul tal-Gvern se jinżel bi €300 miljun mentri l-ispiża se tikber b’€700 miljun.

Waqt li fakkar li kien hawn min iddieħak bis-surplus, huwa enfasizza fuq kemm huwa importanti li fi żmien meta pajjiż ikun għaddej tajjeb jaħseb biex ikollu fondi biżżejjed għal meta jiġu mument ħażin bħal dak li għaddejjin minnu.

Il-Professur Scicluna wiegħed li l-Gvern se jagħmel minn kollox biex il-kumpaniji jgħaddu minn dan is-saram li għaddejjin minnu u esprima l-fiduċja li l-finanzi huma b’saħħithom biżżejjed biex wara li jgħaddi dan il-perjodu l-Gvern jgħin lill-kumpaniji fiż-żmien li jkunu qed jirkupraw.

Huwa żied li jekk nobdu d-direttivi tal-awtoritajiet kapaċi nagħmlu bħalma għamlu l-Ġappun, il-Korea t’Isfel u Singapore li mewwtu l-‘peak’ u għalhekk ġew f’pożizzjoni aħjar minn pajjiżi oħrajn biex jindirizzaw is-sitwazzjoni.

Intant, il-Parlament it-Tnejn approva mozzjoni fejn il-Ministru tal-Finanzi u Servizzi Finanzjarji ġie awtorizzat li jżid l-ammont massimu ta’ dejn tal-Gvern ċentrali miżmum fil-forma ta’ bills tat-teżor minn €700 miljun għall-ammont ta’ mhux aktar minn €1 biljun, skont id-dispozizzjonijiet tal-Att dwar is-self tal-Gvern u l-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku u li l-ammont massimu totali għal self għal din is-sena mill-Gvern Ċentrali jiżdied għal massimu ta’ €2 biljun.

Share With: