Il-president tal-UEFA jistqarr li l-istaġun jista’ “jintilef”

Il-president tal-UEFA Aleksander Ceferin

Il-president tal-UEFA, Aleksander Ceferin, qed juri t-tħassib tiegħu fejn indirizza xenarji potenzjali dwar is-sitwazzjoni attwali tal-football li jinsab sospiż minħabba t-tfaqqigħ tal-coronavirus.

Huwa stqarr li dan l-istaġun huwa probabbilment “mitluf” jekk il-kampjonati ma jkunux jistgħu jerġgħu jibdew mill-aħħar ta’ Ġunju u jintlagħbu matul Lulju u Awwissu.

Iżda Ceferin stess qal li idealment dan l-istaġun irid jitlesta minħabba li din epidemija faqqgħet lejn it-tmiem tiegħu u tkun ħasra li ma jitkomplix.

“F’dan il-mument drammatiku, l-importanti hija s-saħħa tan-nies u li noħorġu minn din il-kriżi. Din l-interruzzjoni tfisser li d-dinja kalċistika waqfet għal kollox.

“Ma nafux meta din l-epidemija se tintemm, imma għandna bosta pjani biex insalvaw il-kampjonati. Aħna ninsabu f’kuntatt mal-Assoċjazzjonijiet Membri, mal-clubs u ma’ kull grupp ta’ ħidma.

“Irridu nistennew … nofs Mejju … nofs Ġunju … l-aħħar ta’ Ġunju …

“Iżda jekk ma jirnexxiex dan, l-istaġun ikun probabbilment mitluf. Hemm ukoll il-proposta biex jintemm dan l-istaġun qabel ma jibda li jmiss biex dak 2020/21 jibda ftit tard.

“Se naraw x’inhuma l-aħjar soluzzjonijiet għall-kampjonati u għall-clubs. Huwa diffiċli li wieħed jimmaġina l-logħob bil-bibien magħluqa.

“Iżda issa l-anqas ma nafu meta se jintlagħbu l-ewwel logħbiet, peró nixtieq li nsalvaw dan l-istaġun,” temm jgħid il-president tal-UEFA.  

Share With: