Jisirqu pittura ta’ “valur inkredibbli” ta’ Van Gogh wara li mużew jagħlaq kaġun tal-coronavirus

Il-Pulizija Olandiża qed tinvestiga s-serq ta’ pittura ta’ “valur inkredbbli” ta’ Van Gogh minn mużew li ngħalaq għall-pubbliku kaġun tal-pandemija tal-Covid-19.

Il-pittura, li tmur lura għall-1884 u li hija magħrufa bħala ‘Parsonage Garden in Nuenen, Spring’, insterqet mill-mużew Singer Laren f’Laren, fit-Tramuntana tal-pajjiż. Il-pittura kienet mislufa lill-mużew biex titpoġġa għall-wiri.

Il-pittura ‘Parsonage Garden in Nuenen, Spring’ tal-pittur ċelebri Van Gogh

Skont il-Pulizija Olandiża, il-ħallelin kissru bieb tal-ħġieġ u serqu l-pittura proprju fil-167 sena mit-twelid tal-pittur ċelebri. Minkejja li beda jindaqq l-alarm, huma xorta waħda rnexxilhom jisirqu l-pittura u jaħarbu minn fuq il-post qabel ma laħqu ġew il-pulizija.

Jan Rudolph de Lorm, direttur tal-Mużew, qal li din mhijiex biss telfa għall-mużew u sid il-pittura – il-Mużew Groninger – iżda għall-pajjiż kollu.

Tenna li l-pitura kienet tirrappreżenta mument ta’ paċi għal Van Gogh, li kien għadu qed jiżviluppa bħala artist.

Intant Andreas Bluhm, id-direttur tal-Mużew Groninger, qal li minkejja din is-serqa, huwa xorta waħda se jkun qed jibqa’ jafda u jsellef il-pitturi tiegħu mhux biss lill-mużew Singer, iżda anke lil mużewijiet oħrajn.

Share With: