Jitħabbru limitazzjonijiet fl-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex

Il-miżuri se jidħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa li ġej

Mill-Ġimgħa li ġej, se jkun permessibbli biss li jsir vjaġġar bejn Malta u Għawdex għal raġunijiet mediċi, għax-xogħol, visti minn familjari lil pazjenti rikoverati l-isptar, żjarat lil qraba, ġarr ta’ merkanzija jew inkella ritorn fir-residenza ordinarja tal-individwu.

Ħabbar dan il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri f’konferenza stampa fejn matulha ddikjara li mhux se jkun permess aktar vjaġġar għal skop ta’ vaganza, divertiment jew għal xi mawra bejn il-gżejjer. Huwa semma kif fil-preżent kull passiġġier li jirkeb il-Gozo Channel kemm mit-terminal tal-Imġarr f’Għawdex kif ukoll mit-terminal taċ-Ċirkewwa f’Malta qed isirlu screening għal sintomi relatati mal-Coronavirus qabel jitħalla jirkeb abbord.

Il-Ministru Camilleri sostna li bħala żieda ma’ dan, minn nhar il-Ġimgħa li ġej dak li s’issa kien qed jiġi rakkomandat se jsir mandatorju, hekk kif se jidħol fis-seħħ screening ieħor did-darba biex jidentifika x’inhu l-iskop li tiegħu l-individwi se jkunu qed jaqsmu bejn iż-żewġ gżejjer.

“Dawn huma miżuri bla preċedent pero’ huma miżuri għall-ġid ta’ kulħadd,” tenna l-Ministru Camilleri. Waqt li rringrazzja lil poplu għall-koperazzjoni u lill-membri tal-istaff mediku, suldati, pulizija u membri tal-Protezzjoni Ċivili, huwa tenna l-appell biex inkunu dixxipliati f’dawn il-ġimgħat kruċjali biex flimkien negħlbu din l-isfida unika li qed naffaċċjaw fil-preżent.

Share With: