Tgħid li studenti ta’ skejjel tal-istat mingħajr lezzjonijiet onlajn u jqattgħu jiem jilagħbu l-Playstation … Il-Ministru jgiddibha

Anke numru ta’ edukaturi jikkritikaw lil Kristina Chetcuti għall-kummenti tagħha

Kienu bosta dawk l-edukaturi li kkritikaw kumment li Kristina Chetcuti, is-sieħba tal-eks-Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, għamlet fuq il-midja soċjali.

Chetcuti f’kumment li għamlet saħqet li dawk it-tfal li jattendu skejjel tal-istat mhumiex qed jirċievu lezzjonijiet onlajn. “Ma nħallsux it-taxxi tagħna biex it-tfal iqattgħu ġranet sħaħ jilagħbu l-Playstation,” saħqet Chetcuti.

Chetcuti ikkummentat wara li l-Gvern iddeċieda li jagħlaq l-istituzzjonijiet edukattivi bil-għan li jikkontrolla l-imxija tal-virus Covid-19.

Immedjata kienet ir-reazzjoni ta’ numru ta’ edukaturi li saħqu li dan mhuwiex minnu, b’saħansitra uħud anke jgħidu li mid-dar qed jiddedikaw ferm aktar sigħat biex jaċċertaw li t-tfal jirċievu l-lezzjonijiet meħtieġa.

L-istess ikkonferma l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici ma’ Inewsmalta, li mhux talli kkonferma li qegħdin isiru lezzjonijiet onlajn, iżda qegħdin jittellgħu links fuq is-sit tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Tenna li apparti dan hemm siti għal tal-apposta ffukati fuq il-kurrikulu tal-istudenti.

Share With: