X’inhu l-Coronavirus u minn fejn origina?

X’inhu l-Coronavirus u minn fejn origina’?

Il-coronavirus huwa virus, li oriġina mil-lokalità ta’ Wuhan, fiċ-Ċina f’Diċembru 2019, u li huwa ġenetikament simili għall-viruses tas- Severe Acute Respiratory Syndrome (SARS) u Middle East Respiratory Syndrome (MERS). Sfortunatament, infirex wkoll barra miċ-Ċina, f’diversi kontinenti oħra, inkluż l-Asja, l-Amerika, l-Ewropa, u saħansitra f’pajjiżna.

Minħabba s-similarità ta’ ċertu proteini li fih dan il-virus ġol-capsula tad-DNA tiegħu, qed jingħad li jista’ jkun li ġie transmess lejn il-bniedem minn xi annimali eżotiċi, bħas-sriep jew friefet il-lejl.

X’inhuma s-sintomi ta’ dan il-virus, u veru li hawn żewg tipi differenti jiċċirkulaw madwar id-dinja?

Il-coronavirus primarjament jikkawża sintomi respiratorji, li huma simili tal-influwenza, bħal sogħla, qtugħ ta’ nifs, jew deni. F’każijiet iktar rari, speċjalment fl-anzjani, jew persuni oħra li jkollhom is-sistema tal-immunità baxxa, dan il-virus jista’ jikkawża wkoll sintomi iktar gravi, bħal problemi akuti fil-kliewi jew fil-pulmun. Kien proprju minħabba dawn il-kumplikazzjonijiet li ġew irrapurtati xi mwiet konessi ma’ dan il-virus.

Iva, ġew irrapurtati każijiet fejn nies li kienu morda bil-Coronavirus u ġew ikkurati barra minn xtutna, wara ftit żmien reġgħu sfaw infettati b’dan l-istess virus. Ir-raġuni ta’ dan kollu huwa għaliex minn Diċembru li għadda s’issa, il-virus laħaq għamel mutazzjoni, u minħabba f’hekk issa jeżistu żewġ tipi ta’ dan il-virus li qed jiċċirkola fl-arja – wieħed iktar agressiv mill-ieħor.

Min huwa fl-ikbar riskju li jaqbdu dan il-virus, u x’inhuma l-metodi ta’ transmissjoni?

Dan il-virus jinfirex permezz tal-qtar fl-arja u l-metodi ta’ kuntatt dirett.  Dan ifisser li jista’ jittieħed meta persuna infettata tmiss xi oġġetti, u persuna oħra tmiss partijiet minn wiċċha (bħal għajnejn, il-ħalq jew l-imnieħer), wara li tkun misset dawn l-istess oġġetti.  Ir-raġuni ta’ dan hija li il-virus jaf jibqa’ attiv fuq diversi oġġetti inanimi sa 48 siegħa. Il-virus jista’ jigi transmess ukoll meta persuna toqgħod f’kuntatt dirett ma’ xi ħadd infettat għal iktar minn 15-il minuta; u kif ukoll  meta persuna infettata tisgħol jew tagħtas, inqas minn metru ‘l bogħod minn xi ħadd ieħor.

L-iktar nies li qegħdin f’riskju li jaqbadhom il-Coronavirus huma dawk li kellhom kuntatti ma’ nies minn diversi pajjiżi oħra li ġew affettwati b’dan il-virus, speċjalment jekk is-sintomi jibdew ifeġġu madwar 14 il-ġurnata wara l-kuntatt, jew safar f’pajjiżi affettwati mill-Coronavirus.

Kif inhi s-sitwazzjoni f’pajjiżna bħalissa?

Sal-mument li qed nikteb dan l-artiklu, fil-15 ta’ Marzu 2020, ġew kkonfermati 21 il-każ ta’ Coronavirus f’Malta. Minkejja dan, dawn il-persuni kollha jinsabu fi stat ta’ saħħa tajba. Infatti, 3 persuni issa fiequ minn dan l-istess virus, minħabba li ż-żewġt kampjuni li jkunu ttieħdu fi żmien 48 siegħa, rriżultaw fin-negattiv. Nixtieq inżid wkoll, li bħala tobba, aħna kollha rċivejna diversi istruzzjonijiet mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika, u għaldaqstant qegħdin nieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli, sabiex  nieħdu l-miżuri neċessarji biex niżolaw l-ewwel każijiet ta’ Coronavirus f’Malta.

Nixtieq ukoll nieħu l-opportunita’ biex nappella lill-pubbliku, biex jsegwi r-regoli kollha tal-awtoritajiet pubbliċi, għaliex flimkien biss nistgħu nagħmlu d-differenza, u nacċċertaw li nżommu din il-pandemija taħt kontroll.

X’inhuma l-metodi ta’ prekawzjoni li wieħed jista’ jieħu biex jevita li jaqbdu l-Coronavirus?

Biex tipproteġi ruħek u lil ta’ madwarek mill-Coronavirus, huwa importanti li:

– Taħsel idejk bis-sapun u bl-ilma għal 20 sekonda, u jekk dan mhux disponibbli, billi tuża diżinfettant tal-idejn li jkollu bażi ta’ 70% alkoħol;

– Tgħatti mnieħrek u ħalqek b’ tessut jew bin-naħa ta’ ġewwa tal-minkeb; f’każ li tisgħol jew tagħtas;

– Ma tagħtasx u ma’ tisgħolx ġo jdejk, biex tevita li tikkontamina oġġetti jew individwi li jkollok kuntatt dirett magħhom;

– Tarrmi t-tessuti użati mill-ewwel fiż-żibel; u ma tħallix it-tessuti jiġru.

– Tevita li tmiss il-wiċċ, l-għajnejn, il-ħalq, u l-imnieħer qabel ma tkun ħsilt idejk kif suppost;

– Iżżomm metru distanza meta tkun qed tkellem lil xi ħadd li huwa ma jiflaħx,u f’każ ta’ trabi, tevita milli terfagħhom għalxejn.

– Tevita postijiet li fihom il-folla, u jekk dan ma jkunx possibli, tista’ jilbes wkoll maskli apposta bil-filter, tat-tip N95, jew FFP-3.

Idealment, wieħed għandu wkoll jevita s-safar, u jekk għadu kif wasal minn barra, għandu jsegwi l-kwarantina mandatorja ta’ 14-il jum, sabiex jaċċerta ruħu li ma jxerridx il-virus lill-ħaddiehor, f’każ li joħorġulu s-sintomi iktar tard. Kif wkoll, huwa importanti li wieħed jieħu l-vaċċin tal-influwenza staġjonali, u jevita milli jiġi f’kuntatt dirett ma’ annimali (ħajjin jew mejtin), speċjalment ġo stabillimenti li jsajru jew ibigħu l-ikel.

Jekk wieħed ikun se jssajjar laħam, jew frott tal-bahar, għandu jara li jiġi msajjar sew, f’temperatura għolja biżżejjed li toqtol il-mikrobi, jekk dawn ikunu preżenti.

Hawn kura għall-coronavirus?

Le. Sfortunatment, sa issa, ma teżisti l-ebda mediċina, jew tilqima kontra l-coronavirus għaliex dan huwa ġdid. Għalkemm, digà saru xi studji bikrin fuq l-annimali dwar vaċċin li possibilment jaf jiġi żvilluppat iktar ‘il quddiem. F’dan l-istadju, t-trattament li wieħed qed jingħata meta jaqbdu, jkun wiehed supportiv, bħall-ossiġnu, jew nutrimenti fil-vina, sabiex jgħinu lill-ġisem jirkupra billi jiġġieled lil dan il-virus b’mod naturali.

Għaldaqstant, huwa importanti li wieħed iżomm is-sistema immuntarja tiegħu b’saħħitha, jiekol ikel bnin li hu għoli fil-Vitamina C/Zinc/Vitamina D,  inaqqas l-istress, ma jpejjipx, jorqod bejn 6 u 8 sighat kuljum, u jeżerċita ruħu regolarment.

Illum il-ġurnata, ħafna nies jixtru diversi affarijiet minn barra minn Malta, u ċertu pakketti jaf qegħdin jaslu bil-posta, minn diversi pajjiżi fejn diġà hem it-transmissjoni tal-Coronavirus. X’tikkumenta dwar dan?

Bhalissa hawn hafna alarm dwar din is-sitwazzjoni. Izda, wiehed ghandu jkun jaf li l-coronavirus jiddegenera fi zmien 48 siegha, jekk ikun barra mil-bniedem. Peress li l-posta li tkun gejja mic-Cina, normalment ddum madwar 2 – 3 gimghat biex tasal Malta, dan il-virus ma jibqax attiv bizzejjed li jikkaguna infezzjoni.

Meta nigu ghall-posta li tkun gejja minn pajjizi Ewropej, li jaf jiehdu inqas minn jumejn sabiex jaslu Malta, wiehed jista’ jimsah il-pakket sew b’disinfettant apposta qabel ma jifthu.

X’ghandu jaghmel jekk xi hadd li jkun zar pajjiz li hu infettat bil-Coronavirus, jibda jissusspetta li hu, jew xi nies qrib tieghu, qed jbatu minn dan l-istess virus?

Huwa importanti li wieħed jibqa’ jistrieħ d-dar, jevita kuntatt dirett man-nies ta’ madwaru, u jikkuntattja lill-helpline ‘111’ minnufih. Jekk ma jkunx qed jbati minn sintomi urġenti jew gravissimi, għandu jevita li jmur ġo kliniċi privati, l-berġa, jew l-isptar, ħalli nevitaw li jixxerred il-virus fi spazji konfinati. Wieħed jista’ wkoll jikseb iktar informazzjoni fuq il-Coronavirus, mid-Dipartiment tal-Prevenzjoni u Kontroll ta’ Mard Infettiv, billi jċempel direttament fuq 21 324 086, jew jżur is-sit elettroniku www.covid19malta.info

F’każ li wieħed jiġi bżonn ta’ affarijiet bażiċi, bħall-ikel jew mediċina, waqt li qiegħed fi kwarantina mandatorja, jista’ jċempel dirett fuq 2204 2200 ghal aktar għajnuna. Huwa importanti wkoll, li kull każ ta’ ksur ta’ kwarantina mandatorja, jigi rrapurtat minnufih b’emajl fuq quarantine.covid19@gov.mt jew permezz ta’ telefonata fuq 2294 4504 jew 2294 4511.

Jekk tixtieq ssegwi il-blog ta’ Dr. Georgiana, tista’ taghmel dan billi tidħol fuq: www.facebook.com/be.heart.healthy

Share With: