12-il każ ġdid ta’ Covid-19 … Gauci tappella mill-ġdid biex jibqgħu jiġu osservati l-istruzzjonijiet

Waqt konferenza tal-aħbarijiet bl-aħħar żviluppi dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna, il-Professur Charamaine Gauci ħabbret li 24 persuna fiequ mill-virus biex b’hek b’kollox hemm 150 persuna li fiequ.

Spjegat li lbieraħ saru 726 swab test u minnhom kien hemm 12 li ħarġu pożittivi. B’kollox hemm 443 il-każi ta’ persuni infettat. Jekk wieħed inaqqas lil dawk li fiequ u dawk li sfortunatament mietu l-każi attivi jammontaw għal 290 każ. Minn dawn kien hemm tliet każi oħra li huma immigranti miċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

12-il każ ġdid

Il-każi l-oħra kienu jinkludu grupp ta’ tliet persuni relatati ma’ każ ieħor li tħabbar ftit ġranet ilu. Dawn kienu raġel Malti ta’ 34 sena li ma kienx qed imur xogħol. Miegħu kien hemm Malti ieħor ta’ 32 sena, li hu student u għalhekk ma ħariġx. Magħhom kien hemm ukoll mara Maltija ta’ 62 sena li lanqas ma kienet taħdem. 

Kien hemm ukoll cluster ġdid ta’ tnejn min-nies li huma Malti ta’ 81 sena u raġel ta’ 48 sena li qed isir risk assessment fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

Każ ieħor hu ta’ mara Maltija ta’ 27 sena li taħdem f’kumpanija privata iżda li ma jkollhiex kuntatt ma’ klijenti.

Każ ieħor jinvolvi raġel Indjan ta’ 50 sena li wkoll qed isir risk assessment fuq il-post tax-xogħol tiegħu.

Ma’ dawn kien hemm ukoll każ ta’ raġel ta’ 33 sena Sirjan, li ma kienx fuq ix-xogħol u jgħix waħdu. 

Barra hekk kien hemm raġel ta’ 38 sena mill-Etjopja, li ma jgħix f’ebda ċentru. Dwar dan sar risk assessment fuq il-post tax-xogħol tiegħu, għax kien mar għal xi sigħat qosra. Barra hekk, qed isir ukoll contact tracing ta’ erba’ persuni li jgħixu miegħu.

Mistoqsijiet tal-ġurnalisti

Dwar il-persuna li kellu s-sintomi fl-1 ta’ April, il-Professur Gauci spjegat li dan kien għamel kuntatt mal-awtoritajiet tas-saħħa u minkejja li dak iż-żmien ma kienx irriżulta pożittiv, aktar tard mar għall-agħar u wara li sarlu t-test instab pożittiv.

Rigward is-sitwazzjoni fl-ITU, Gauci qalet li għad fadal pazjent wieħed li jinsab f’qagħda tajba iżda fuq ventilatur. Mistoqsija dwar it-testijiet tal-antibodies, Gauci qalet li nġiebu numru ta’ testijiet u qed jiġu vvalidati. Qalet li hemm protokoll lest u qed jistennew il-validità.

Tkellmet ukoll dwar in-numru baxx ta’ każi fl-aħħar ġranet, fejn qalet li hu importanti li nibqgħu nsegwu l-istruzzjonijiet ta’ social distancing u biex ma noħorġux kemm nistgħu. Barra hekk talbet biex fejn possibbli l-postijiet tax-xogħol iħallu lill-ħaddiema jagħmlu teleworking.

Share With: