30 ta’ Ġunju li ġej …. tmiem l-istaġun fl-Ingilterra?

Diversi clubs tal-Premier League Ingliż jinsabu ħerqana biex jipproponu metodu li bih jagħlqu l-istaġun attwali 2019/20 aktar milli jibqa’ jkarkar matul ix-xhur tas-sajf.

Huma qed jitolbu li l-istaġun jispiċċa fit-30 ta’ Ġunju li ġej hekk kif disa’ clubs ingħaqdu flimkien wara diskussjonijiet serji bejniethom. Huma se jkunu qed jippreżentaw il-proposti tagħhom fis-summit li se jsir proprju llum.

Ir-rieda ta’ dawn id-disa’ clubs hija li l-kampjonat attwali jonqos fil-volum tal- logħbiet speċjalment jekk il-kampjonat ma jkunx jista’ jiġi akkomodat minħabba konġestjoni fil-kalendarju.

Skond dawn il-clubs, jekk l-istaġun attwali se jkompli jkarkar, se tkompli tiżdied l-inċertezza u tirrenja aktar il-konfużjoni.

Il-proposta tagħhom jinkludi metodu li l-istaġun jispiċċa xorta fejn filwaqt li Liverpool jispiċċaw bħala champions, ikunu deċiżi wkoll it-timijiet li jikkompetu fil-UEFA Champions League u dawk li jiġu relegati.

L-ikbar inkwiet għal dawn il-clubs hi l-inċertezza li qed tirrenja fuq diversi temi sensittivi fosthom il-kwistjoni tal-kuntratti tal-players li ħafna minnhom jintemmu fit-30 ta’ Ġunju li ġej u l-ftehim ma’ sponsors li l-finanzjament tagħhom jagħlaq fl-istess data.

Kif inhu fatt magħruf, il-FIFA ilha tiddiskuti metodi fuq il-problema tal-kuntratti bi players li jistgħu jinħallu minnhom speċjalment jekk dawn jiskadu.

Dan kollu jħalli konsegwenzi kbar fost diversi clubs tal-Premier League li jis­piċċaw b’nuqqas ta’ players hekk kif jiskadi l-ftehim tagħhom.

Kelliem għal dawn il-clubs qal li dan kollu mhux qed jagħmluh biex jidhru iżda biex ipoġġu pressjoni fuq l-awtoritajiet konċernati biex tittieħed deċiżjoni f’waqtha għall-ġid ta’ dawk kollha involuti. Huwa qal li l-clubs iridu jispiċċaw l- istaġun malajr kemm jista’ jkun biex jibdew jippjanaw għal dak li jmiss u li mistenni jibda bejn Awwissu u Settembru.

L-ogħla awtoritajiet tal- Premier League għamluha ċara li jridu jkomplu l- istaġun u għandhom bosta pjani li l-istaġun ikompli bil-bibien magħluqa.

Minkejja kollox, ħafna qed jaħsbu li dan il-pjan jaf iżid iktar konfużjoni fost kulħadd.

Il-kelliem kompla jgħid li ħafna clubs jinsabu f’limbu meta ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu filwaqt li ma jistgħux jagħmlu l-ebda pjan konkret. Huma qed jibżgħu li se jitilfu madwar £750 miljun li jinkludu l-qligħ mid-drittijiet televiżivi u  sponsorships oħra.

Sadanittant, il-Gvern Ingliż se jkompli jagħti aktar dettalji fil-ġranet li ġejjin dwar kemm se jdum il-lockdown nazzjonali.

Minn hemm il-clubs jistgħu jħejju għal xi ħaġa konkreta li fil-veritá tidher ferm diffiċli aktar u aktar meta għandhom players li lanqas biss jafu meta se jirritornaw għat-taħriġ … aħseb u ara għal-logħob.

Din l-inċertezza qed toħ­loq frustrazzjoni sħiħa meta d-diriġenti tal-clubs iridu jagħmlu pjan konkret fuq il-bejgħ tal-biljetti għall-istaġun li ġej filwaqt li jippruvaw jattiraw sponsors ġodda u jaħsbu fuq players ġodda.

Fl-istess waqt, se jkun hemm sitwazzjoni fejn xi players ftit se jkollhom aptit li jerġgħu jibdew jilagħbu aktar u aktar meta ilhom neqsin mit-taħriġ għal aktar minn xahar.

Fl-istess waqt, jemmnu li issa l-istaġun ġie effettwat mhux ħażin u l-fatt li ttawlu xejn m’hu se jgħin.

L-istess kelliem kompla jgħid li jkun tajjeb li l-uffiċjali tal-Premier League jagħmlu tajjeb li kieku jinnegozjaw ma’ xi kumpaniji televiżivi u stazzjonijiet bħal Sky u BT Sport biex dawk il-logħob li ntilfu fil-ġimgħat li għaddew ikunu jistgħu jiġu kkumpensati matul l-istaġun li ġej b’aktar traż­missjonijiet.

Dawn id-disa’ clubs komplew jgħidu li ma tantx jogħġobhom il-fatt li jkom-plu jistennew għax aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar l-affarijiet se jkomplu jitgħarrqu.

Huma sejħu l-pjani li jit­kompla l-kampjonat bħala wie­ħed li mhux realistiku.

F’dan ir-rigward, tkellem id-deputat segretarju ġene­rali tal-kampjonati Ewropej, Alberto Colombo, li qal li s-sospensjoni tal-istaġun fil-kontinent ġab diżastru sħiħ u kriżi wara l-oħra.

Minkejja kollox, il-maġ­ġoranza tal-membri fi ħdan il-Premier League qed jinsistu biex jagħtu prijoritá lill-istaġun attwali biex jerġa’ jkompli ma jdumx.

Colombo kien konxju mill-fatt li pajjiżi bħall- Belġju ddeċidew li jtemmu ħesrem il-kampjonat u teżisti possibbiltá li jkun hemm oħrajn li jimxu fuq dan il-metodu.

Huwa wissa’ lil kulħadd biex ikun kawt fid-deċiżjonijiet li jittieħdu filwaqt li jippruvaw joħorġu b’soluz­zjonijiet aktar milli ħafna spekulazzjonijiet u tmaqdir.

Finalment, Colombo qal li għalissa l-iktar ħaġa importanti hi li jerġgħu jibdew is-sessjonijiet ta’ taħriġ u eventwalment il-logħob kompetittiv tal-kampjonati domestiċi. Huwa aċċerta lil kulħadd li għalissa dawn il-partiti se jsiru bil-bibien magħluqa biex ma jieħdux xi riskji partikolari.

Colombo temm jgħid li jridu jkunu l-gvernijiet tal-pajjiżi li joħorġu ordnijiet fuq restrizzjonijiet u dan kollu skond id-diskrezzjoni tal-aw­toritajiet tas-saħħa rispettivi.

Share With: