36 siegħa fuq it-telefon tisma’ lil missierha f’agunija minħabba l-COVID-19

Minn Victor Vella

“X’jumejn dawk!  Fuq it-telefon ma’ missieri. Ma jitkellimx. Nisimgħu biss jieħu in-nifs. Inkantalu u niftakar fil-memorji. Iż-żmien li konna nqattgħu flimkien. Dak il-kant li kien ikantali waqt li jdoqqilna.  Għamitl 36 siegħa sħaħ fuq it-telefon ma’ missieri f’aġunija minħabba l-COVID19.”

Din hi l-esperjenza ta’ Abby Adair Reinhard, li għamlet xejn inqas minn 36 siegħa tisma’ lil missierha jieħu n-nifs wara li kien infettat bil-COVID19.

Missieri miet mill-COVID 19. Kien il-5 ta’ April filgħaxija. Ħassejt terrur sħiħ li qatt ma esperjenzajt bħalu. Stajt nimmaġina kemm kienet iebsa għalih. Ħassejtni dispjaċuta nara lil missieri għaddej minn dan kollu.

“Missieri ttieħed l-isptar wara li waqa’. Suppost kellu jinħareġ minn hemm fi żmien qasir. Imma l-virus tal-COVID infirex fis-sala fejn kien. Hu ma kellu ebda ċans. Kien is-Sibt meta qrajt li t-test li għamlulu reġa’ kien pożittiv.  Ma nistax niddeskrivi l-biża’ li ħassejt f’dak il-mument. Jien bdejt ngħid li “ma jistax ikun li din qed tiġri lil familti. Ma jistax ikun li l-virus laqat lilna”.

Ansjetà. Tensjoni. Bogħod minn xulxin. B’xi mod erġajt irkuprajt is-sens ta’ kalma. Mort lura lejn kamarti biex norqod. Is-sinjali fuq saħħtek kienu jidhru inkoraġġanti.

Filgħodu telefonata ’xokkanti’

Filgħodu irċevejt telefonata. Id-dijanjozi li kienet għadha kif saret kienet tgħid li saħħtek marret lura. Iddeterjorat. Tama ma tantx kien hemm. Il-pulmuni tiegħu iddeterjoraw malajr. Dak il-ħin minn moħħi beda għaddej ħsieb wieħed. Kont qed naħseb f’dawk il-ħaddiema u kelli aptit nibda ngħajjat u ngħidilhom kif se tiżguraw li dak li għaddejjin minnu ma jiġrix lil familji oħra.  Għaliex stennejtu daqshekk biex tilbsu l-maskri. Għaliex m’għamiltux aktar testijiet. Dan qatt ma messu sar.  Imma ftakart li dik li kienet qed iċċempilli kienet infermiera. Ħaddiema innoċenti li qed twassalli messaġġ. Ħaddiema li qiegħda fuq quddiem fil-ġlieda kontra din il-pandemija.  Ftit kelli kliem xi nlissen. Irringrazzjajtha tal-informazzjoni. 

Issa dak li sar kien sar. Din hi realtà iebsa.  Ma stajtx inkun ħdejn is-sodda tiegħu. Waħdu. Ma’ pazjenti oħra bil-COVID. Ħassejt mewġa kbira ta’ biża. Se nibqa’ hawn ġo dari? Ridt inkellmu. U malajr kemm jista’ jkun. 

L-infermiera offrietli li nkellmu permezz tat-telefon tal-isptar.  Kien bis-saħħa t’hekk li smajtu jeħu in-nifs.  U hu jismagħni nkellmu. “Inħobbok. Grazzi.”  Bdejt nisimgħu jiġġieled għan-nifs. Il-ħsejjes tan-nifs ħerġin mill-pulmun. Jien nisma’ fuq it-telefon. Bla saħħa. Ma nista’ nagħmel xejn.  Nirringrazzja lill-infermiera li bdew jagħmlu l-kuraġġ lil missieri. 

Smajtu jisgħol.  Bdejt nittama li qed jismagħni inkellmu. Kellimtu dwar iż-żmien prezzjuż li qattajna flimkien. Niftakru jddoqq il-kitarra madwar il-ħġejjeġ żgħar li konna nagħmlu. Niftakar u nibki. Bdejt inkantalu dawk il-kanzunetti li kien ikantalna. Kultant niċċaqlaq minn fuq it-telfon u nmur nibki xi mkien, f’xi rokna.  Ippruvajt inżomm il-biki, anke waqt li nkellmu. Nifsi wkoll beda jinqata’. 

Ingħaqadt ma’ ħuti l-oħra. Tom, Carrie u Emily permezz tat-telefon. Is-sigħat ta’ wara il-konversazzjoni tagħna miegħek nibqa’ ngħożżha għal ħajti kollha.  Konna kulħadd f’post differenti. Min f’Dallas, Raleigh, Copenhagen u Rochester. Imma konna flimkien naqsmu l-memorji sbieħ tagħna li għaddejna ma’ missieri.  Il-jiem ħdejn ix-xmara, il-vjaġġ  fl-Ewropa u l-konversazzjonijiet li kien ikollna.  Bdejt nitlob li hu qed tismagħna.

Xi ħin kelli nitlaq minn fuq it-telefon biex nitkellem mat-tobba. Ridt li jkolli opinjonijiet differenti. Kelli l-prokura. Għal mument kont insejtha.  Ma kontx ippreparata  għal deċiżjonijiet iebsa li kelli nagħmel. Deċiżjonijiet li qatt ma ħsibthom.  Il-tobba għaddew l-informazzjoni.  Kienu ċari fuq dak li kien se jsir.  Imma l-affarijiet f’moħħi ma kinux daqshekk ċari. Missieri dejjem kien b’saħħtu.  Ridt naqbad ma kull tibna li nsib. Basta ttini ftit tama li tista’ toħroġ minnha. 

Bdejt naħseb. Nipprova nkun fiż-żarbun tiegħu. Ħsibt fuq li ħsibt. Il-vuċi ġewwinija tiegħi  kienet qed tasal għal l-istess konklużjoni tat-tobba.  Dik it-tweġiba bdejt nobgħodha. Qisni ma ridtx nismagħha. Kont naf li  hi d-deċiżjoni it-tajba. Kont naf li ma stajtx intawwal aktar. Għax int kont qed issofri. Tbatija kbira.  Kelli nieħu id-deċiżjoni. Dik id-deċiżjoni orribbli. Kienet imma deċiżjoni ta’ mħabba. Iffirmajt il-‘comfort care”.   Dik l-ordni li tiffoka fuq li tikkontrolla is-sintomi u l-uġiegħ. Tama aktar ma jkunx hemm.  It-tobba, kif ħadt id-deċiżjoni, dehru b’anqas tensjoni. 

“Kemm kienet diffiċli.  Sar filgħaxija u jien kont bilqiegħda nikteb u niddokumenta kollox, waqt li qiegħda miegħu fuq it-telefon. Bdejt napprezza dak il-mument li qiegħda miegħu virtwalment.

‘Bqajt hemm nisma il-ħoss tan-nifs. Xi kultant ikun hemm silenzju. Qisu minuta fejn ma tisma xejn. Meta ma kontx nisma dak il-ħoss tqil tan-nifs kont inżomm nifsi. Nibża li tmiem kien wasal. Bdejt ngħidulek minn fuq it-telefon, ‘missier hu n-nifs. Irridu nisimgħu in-nifs tiegħek’. Imbagħad nisimgħu dak il-ħoss tan-nifs u nieħdu nifs il-ġewwa li għadek ħaj|”.

“Tgħallimt ħaġa. Qatt ma apprezzajt il-bżonn tan-nifs daqs kemm apprezzajtu f’dawn l-aħħar sigħat.”

Is-6 ta’ April … 36 siegħa miegħu fuq it-telefon tisma’ in-nifs

“Bqajna miegħu il-lejl kollu. Bdejna ngħidulu qegħdin hawn għalik. Uliedek qegħdin hawn”. Aktar m’għadda l-ħin aktar in-nifs sar sporadiku u tqil. Anke l-ħoss kien qawwi. Kull ma stajt nagħmel hu li nisma minn fuq it-telefon. Nisimgħek u nħoss tagħfis qawwi f’sidri. Smajtek tokrob bil-mod. Ma nafx ippruvajtx tgħidilna li tħobbna jew għax kont muġugħ. Kemm xtaqt li konna miegħek mas-sodda. Kull x’ħin niftakar li qed waħdek jaqbduni dwejjaq kbar. Kien ta’ sodisfazzjon li naf li hu kien  imdawwar bl-imħabba. 

Għal xi ħin il-linja tat-telefon inqatgħet. Bżajt ħafna. Ma ġietx mill-ewwel il-linja u għalhekk ħsiebi beda jgħidli li kienu mort id-dinja l-oħra, l-infermiera għamlet kuntatt. Wara ftit terġa’ tiġi il-linja. U erġajt bdejt nisma dak in-nifs tqil.  Ħdejja it-tarbija tiegħi Skylar. Għandi l-ħajja fuq naħa u l-mewt fuq oħra. Tarbija fuq it-telefon man-nannu li qatt mhu se tiltaqa’ miegħu. Mill-ġdid skiet. Tensjoni kbira fuqi. Imma nerġa’ nibda nisma dak il-ħoss ta’ nifs tqil. Il-ħsieb ikun għadu magħna”.

Is-sigħat komplew igerbu u bdejna ngħajjew. Il-konversazzjonijiet bejnietna bdew inaqqsu. Sar filgħaxija. F’moħħi bdejt inqajjem dubji dwar id-deċiżjoni diffiċli li kont ħadt. Kien hemm tabib ġdid għax dak ta’ qabel kien spiċċa fi kwarantina. Dan beda juża it-terminu ‘marid terminali’. Bdejt naqra fuq ventilators u kif kien hemm min irnexxielu jgħix. Bdejt inqawwi xi ftit qalbi.

Kien riesaq il-lejl, u ħuti l-oħra sellmulek biex imorru jistrieħu ftit. In-nifs issa kien qed jinqata’ sew. Bdejt ninduna li dawk l-intervalli siekta kienu għax in-nifs tant kien qed ikun baxx li ma kienx qed jinstema fuq it-telefon. Bdejt inħoss in-nuqqas ta’ dak il-ħoss tqil tan-nifs kontinwu li kont qed nisma sigħat qabel. Kont naf imma li qed nieħu nifs bil-mod. Issa kelli inqas tensjoni. Irnexxieli anke niekol xi ħaġa.

Kif ġara qabel reġa’ kien hemm mument ta’ skiet.  In-nifs reġa’ beda jinstema’. Smajt il-ħsejjes tal-infermiera fl-isfond. Ġew jirranġaw il-pożizzjoni tiegħu fuq is-sodda. Smajt lil infermiera tgħidlu, ‘il-lejl it-tajjeb Don. Narak filgħodu’.  Bdejt nittama li hekk kellu jkun. Ħassejt il-bżonn li nerġa’ inkantalek. Kantajtlek ‘Our Love is Here to Stay’. Kantajtlek ‘Country Road’, li kienet waħda mill-kanzunetti favoriti tiegħek. 

Indunajt li l-ħoss tan-nifs kien qed jerġa’ jinbidel. In-nifs kien qisu aktar ġentili. Bdejt nistaqsi lili nnifsi jekk din hix xi fażi ġdida. Skiet mill-ġdid. It-telefonata ta’ llejla hi differenti minn tal-bieraħ. Dan id-dulur li għaddejjin minnu qed idgħajjef anke lilna. Moħħna qed jaħdem aktar bil-mod.

Is-skiet issa dam diversi minuti. Ma ġew ebda infermieri. Ġiet it-tifla Caroline tistaqsini jekk in-nannu qalibx għall-aħjar. Bdejt nistaqsi lili nnifsi kif din il-coronavirus se taffettwa lit-tfal u l-ġenerazzjoni tagħhom.  Reġa’ beda jieħu in-nifs.

Fil-11 ta’ bil-lejl ma flaħtx aktar u għajni marret biha. L-istess ħuti. Kien eżatt wara nofs il-lejl meta daqq it-telefon. Qalbi ħebritni. Kont naf x’se nisma’ f’dik it-telefonata. Kien miet.

Kieku bqajt fuq it-telefon imqar għal siegħa oħra, kont inkun għadni miegħu meta ħalliena. Għamilt 36 siegħa sħaħ miegħu. ‘Kif tlaqt x’ħin ma konniex miegħek? Forsi ma ridtx li nisimgħuk tħallina? Kemm xtaqt li erġajt kellimtek. ‘Inħobbok missier’ kienet l-aħħar kelma li għedtlek allavolja kont naf li issa m’għadekx magħna”, iddikjarat Abbie fit-testimonjanza tagħha.

Share With: