4 każi ġodda; 3 miċ-Ċentru Miftuħ; Il-każi f’Ħal Far issa jammontaw għal 38

Fl-24 siegħa li għaddew in-numru ta’ testijiet li saru jammontaw għal 574 test, b’erbgħa mill-persuni li għamlu t-test jirriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Dan wassal biex in-numru ta’ każi ta’ persuni infettati jammontaw għal 431, bi 302 minnhom għadhom meqjusin bħala attivi.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha ngħata aġġornament dwar il-każi ta’ coronavirus f’Malta u Għawddex, il-Prof. Charmaine Gauci tenniet li t-tendenza ta’ tnaqqis ta’ testijiet matul tmiem il-ġimgħa kompliet matul il-jum tal-bieraħ ukoll, bil-Prof. Gauci tisħaq dwar l-importanza li persuni li jħossu sintomi jagħmlu t-testijiet neċessarji bla ebda distinzjoni ta’ ġranet u ħin.

Il-każi:

  • Raġel ta’ 59 sena, li fid-17 ta’ April beda juri sintomi ta’ sogħla, qtugħ ta’ nifs, nuqqas ta’ togħma u skumdità f’sidru. Huwa ma jaħdimx u għaldaqst l-uniku kuntatt li kellu kien mal-qraba tiegħu.
  • It-tliet każijiet l-oħrajn jirriżultaw miċ-ċentru ta’ detenzjoni ta’ Ħal Far. Il-persuni kkonċernati huma: raġel ta’ 24 sena mill-Marokk, żagħżugħ ta’ 17-il sena mis-Somalja, u żagħżugħ ieħor ta’ 18-il sena mis-Sudan.

Dan ifisser li fiċ-ċentru ta’ Ħal Far 38 immigrant s’issa rriżultaw pożittivi għall-Covid-19.

Share With: