50 vittma tal-coronavirus fi New York jinstabu fi stat qawwi ta’ dekompożizzjoni maħżunin fi trakkijiet

Għexieren ta’ katavri nstabu fi stat ta’ dekompożizzjoni fi trakkijiet viċin kumpaniji funebri fil-belt ta’ New York. Dan wara li ġirien ilmentaw mal-awtoritajiet dwar irwejjaħ qawwijin li kienu ħerġin mill-vetturi. Jidher li l-katavri kienu ilhom għal ġimgħat twal miżmumin fit-trakkijiet.

Residenti miż-żona ta’ Flatlands fi Brooklyn ġibdu l-attenzjoni tal-pulizija lbieraħ biex jinvestigaw is-sors tal-irwejjaħ. U kien l-intervent tal-Pulizija li wassal biex jinstabu 50 katavru f’erba’ trakkijiet.

Uħud mir-residenti f’kummenti lill-midja qalu li r-riħa kienet preżenti għal diversi ġimgħat.

Il-belt ta’ New York hija l-agħar li ntlaqtet fl-Istati Uniti kaġun tal-pandemija tal-Covid-19, b’madwar 164,000 każ ta’ infezzjonijiet u 18,000 fatalità.

Il-kriżi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat għamlet pressjoni kbira fuq sptarijiet u kumpaniji funebri lokali, b’diversi minn dawn tal-aħħar m’għadx fadlilhom spazju fejn iżommu l-katavri tal-vittmi.

Sid il-kumpanija qal li huwa pprova jagħmel minn kollox biex ilaħħaq man-numru kbir ta’ katavri li kienu qed jittiħdulu, u anke prova jippakkja t-trakkijiet bis-silġ iżda dan kien kollu għalxejn. Minkejja li ġie mmultat, sid il-kumpanija ma jidhirx li se jkun qed jiffaċċja passi kriminali fil-konfront tiegħu.

Share With: