72 anzjan residenti f’Sant’Anna rilokati lejn lukanda fir-Rabat Għawdex

Bħala parti mill-pjan ta’ kontinġenza fl-isfond tal-imxija tal-Covid-19, Steward Malta rrilokat 72 resident anzjan flimkien ma’ persunal mir-Residenza Sant’Anna fl-Isptar ta’ Għawdex lejn il-Lukanda Downtown fir-Rabat. Saru diversi tibdiliet fil-faċilità biex tkun tista’ takkomoda l-bżonnijiet tar-residenti anzjani.

Ir-Residenza Sant’Anna battala se sservi biex tipprovdi 80 sodda oħra disponibbli għall-pazjenti COVID-19. Dawn jikkumplimentaw il-41 sodda diġà disponibbli, u jġib in-numru totali ta’ sodod disponibbli għal COVID-19 fl-Isptar ta’ Għawdex għal madwar 120.

Il-kmamar tal-pazjenti jinsabu fuq żewġ sulari u hemm nursing station f’kull sular. Il-kmamar kollha tal-pazjenti huma mgħammra bit-televiżjoni u faċilitajiet sanitarji. Ir-residenti se jkunu qed jiġu mħarsa mill-istess persunal biex titnaqqas id-diżorjentazzjoni li jistgħu jesperjenzaw u biex fl-istess waqt tiġi żgurata l-kontinwità tal-kura. Is-servizzi kollha preċedentement ipprovduti f’Sant’Anna, inkluża l-kura medika, se jinżammu fil-faċilità l-ġdida.

Ir-residenti u l-istaff kollha li se jkunu qed jaħdmu fil-faċilità sarilhom swab għal COVID-19. Ħaddiem tal-lukanda nstab li kien pożittiv qabel ma seħħet din il-bidla u ntbagħat id-dar fil-kwarantina. Il-lukanda ġiet diżinfettata darbtejn fuq perjodu ta’ 24 siegħa u qed jittieħdu miżuri sħaħ ta’ kontroll biex jissalvagwardjaw ir-residenti u l-persunal.

Steward Malta ilha taħdem mill-qrib mal-Ministeru għas-Saħħa u l-Ministeru għal Għawdex, biex tiżgura li l-pjan ta’ kontinġenza tagħha għal COVID-19 huwa konformi mar-rekwiżiti nazzjonali tas-saħħa pubblika.

Share With: