airmalta, air malta

90% tal-Cabin Crew tal-Air Malta favur proposti tal-kumpanija

Il-ħaddiema kollha assigurati paga minima soċjali, “anke jekk mhumiex produttivi mid-dar”

Minn MATTHEW CHARLES ZAMMIT

Il-linja tal-ajru nazzjonali Maltija, Air Malta, fi stqarrija ħabbret li, skont vot li ttieħed mill-ħaddiema tagħha li huma membri tal-Union tal-Cabin Crew, 90% tal-ħaddiema appoġġjaw numru ta’ miżuri proposti mill-kumpanija, fid-dawl tal-effett negattiv li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet fuq l-iskeda tat-titjiriet.

Il-linja tal-ajru nazzjonali, kif ukoll ir-rappreżentanti tal-UCC, kienu ilhom diversi jiem jipprovaw jaslu f’kompromess għal qbil fuq il-pakkett finanzjarju offrut lilhom, hekk kif it-titjiriet tal-linja tal-ajru nazzjonali qalgħu daqqa ta’ ħarta kbira minħabba l-pandemija tal-Covid-19. L-istess Air Malta kienet ikkonfermat li minn medja ta’ 20 titjira kuljum, l-operat tal-kumpanija tal-ajru naqas “għal żewġ titjiriet kuljum biss.”

It-taħditiet  bejn il-ħaddiema u d-diretturi tal-kumpanija kellhom numru ta’ intoppi: Dan il-ġurnal irraporta kif uħud mill-membri tal-ekwipaġġ kienu semmgħu leħinhom kontra l-miżuri li kienu qegħdin jiġu kkunsidrati; il-UCC kienet rribattiet billi neħħet is-sħubija ta’ dawn l-imsemmija membri tagħha, filwaqt li saqsiet il-membri li ffirmaw il-petizzjoni biex jirreżenjaw mill-istess Union.

Intant, l-Air Malta ħabbret li l-proposti li hija kienet innegozjat mal-Union kienu “jassiguraw li l-ħaddiema kollha tagħha kellhom garantiti paga minima soċjali, anke jekk il-membri tagħha ma jkunux produttivi u joqogħdu d-dar, minħabba l-iskeda ridotta ta’ titjiriet.”

Il-linja tal-ajru kienet mgħarrfa minn stqarrija tal-UCC li 90% tal-membri tagħha vvutaw favur il-miżuri proposta mill-kumpanija, iżda hija esprimiet id-diżappunt tagħha li dan il-vot seħħ biss wara “li tnieda l-proċess ta’ tneħħija ta’ impjegati mill-kumpanija, tramite id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi.” Dakinhar, il-kumpanija kienet saħqet li kienet qegħda tippjana biex tkeċċi mal-108 bdot, kif ukoll 139 membru tal-ekwipaġġ.

Il-linja tal-Air Malta kkundannat l-intransiġenza tal-UCC waqt id-diskussjonijiet preċedenti, “li wasslu biex il-fiduċja bejn il-union u l-kumpanija taqla daqqa l-isfel.” Hija tenniet ukoll li l-vot tal-membri tal-UCC, minħabba d-dewmien biex jintlaħaq, “mgħadux suffiċjenti biex il-kumpanija tagħt l-assigurazzjonijiet tagħha. Il-UCC kienet infurmata li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet miftehma għat-tul, kemm mill-ALPA kif ukoll mill-UCC, biex ikun hemm is-serħan tal-moħħ li l-kumpanija ma terġax ssib lilha nnifisha fl-istess pożizzjoni, jekk mhux agħar, f’temp ta’ ftit ġimgħat jew xhur.”

Share With: