Abela ma jeskludix li jitħassar il-kuntratt ma’ Steward

Il-Prim Ministru Robert Abela mhux jeskludi li l-Gvern iħassar il-kuntratt ma’ Steward Health Care Malta dwar it-tmexxija tal-isptarijiet San Luqa, Karin Grech u dak t’Għawdex.

Huwa iddikjara dan waqt seduta parlamentari speċjali li ssejħet il-Ħamis li matulha ġiet diskussa mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni li fiha talbet lill-Gvern iħassar l-imsemmi ftehim u jieħu lura f’idejh l-imsemmijin sptarijiet.

Abela irrimarka li l-Gvern ħatar kumitat biex jara l-ftehim u għamel l-evalwazzjoni meħtieġa madankollu ma ħax deċiżjoni għax faqqgħet il-pandemija Covid19.

Huwa għamilha ċara li kieku ma kienx għal din l-imxija l-Gvern diġa ħa deċiżjoni madankollu nsista li kieku sema mill-Oppożizzjoni u ħassar il-kuntratt kien ipoġġi lill-awtoritajiet tas-saħħa f’diffikulta.

Waqt li akkuża lill-Oppożizzjoni li b’din il-mozzjoni trid tagħmel ħsara lill-interess nazzjonali u akkużaha li qed isservi bħala “l-avukat ta’ Steward”, Abela semma kif il-ġimgħa d-dieħla huwa u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kienu se jkomplu bid-diskussjonijiet mal-istess Steward.

Abela ma eskludix li t-taħdidiet jistgħu jieħdu lill-Gvern fit-triq li jħassar il-ftehim u waqt li sostna li ż-żewġ toroq l-oħra huma li jħalli l-kuntratt kif inhu jew inkella jirrevedih insista li dak li fiż-żgur se jassigura l-Gvern huwa li l-kuntrat ikun ‘value for money’ għall-poplu.

Il-Prim Ministru fakkar ukoll li dwar dan il-kuntratt hemm kawża li fetaħ l-istess Kap tal-Oppożizzjoni kif ukoll inkjesta maġisterjali u staqsih kif ressaq din il-mozzjoni meta għad trid tittieħed deċiżjoni mill-Qorti.

Abela fakkar ukoll lill-Oppożizzjoni fir-rapport li għadu kemm ippubblika l-Awditur Nazzjonali dwar l-Isptar Mater Dei fejn sab li dan dam 15-il sena biex jinbena u ġie jiswa ħames darbiet aktar milli kien stmat li se jiġi jiswa’.

Share With: