“Aċċettaw ħlas minn qabel, meta ssir l-ordni”; Spettur b’appell lill-ħwienet biex ma jisfawx vittmi ta’ serq

“Aċċettaw ħlas minn qabel, meta ssir l-ordni.” Dawn huwa l-appell li l-Ispettur Fabien Fleri mill-Iskwadra ta’ Kontra r-Reati Vjolenti għamel lill-ħwienet kollha, kemm jekk huma dawk tal-ikel, kif ukoll oħrajn li joffru servizz ta’ delivery fid-djar.

Huwa tenna li dan isarraf biex b’hekk min iwassal l-affarijiet fid-djar ma jġorrx fuqu flus kontanti u għaldaqstant ikun qed inaqqas il-periklu minn fuqu u ma jkunx fil-mira tal-ħallelin.

Huwa għamel dan l-appell wara li llum il-Pulizija żvelat li kienet arrestat raġel ta’ 30 sena minn Bormla b’rabta ma’ tliet serqiet li twettqu matul dawn l-aħħar jiem u li kienu jikkonċernaw persuni li kienu jwasslu l-ikel.

L-Ispetur Fleri tenna li l-arrest tar-raġel kienet ħidma konġunta bejn tliet taqsimiet tal-Korp. Huwa temm jgħid li din “turi wkoll li l-ħidma tagħna baqgħet għaddejja waqt li fl-istess ħin qegħdin ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID-19.”

Share With: