AĠĠORNAT: Ħaddiem imut f’inċident f’sit tal-kostruzzjoni fl-Imġarr

Ħaddiem tilef ħajtu traġikament wara li waqa’ mill-għoli. L-inċident seħħ għall-ħabta tat-2.45 p.m. f’sit tal-kostruzzjoni fl-Imġarr fi Triq San Pietru, l-Imġarr.

Il-Pulizija tad-Distrett marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel, li l-identità tiegħu għadha mhux magħrufa, waqa’ madwar żewġ sulari minn sit ta’ kostruzzjoni waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u kif ukoll tim mediku fejn ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. J. Demicoli li ħatret Inkjesta filwaqt li l-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.

Share With: