AĠĠORNAT: Raġel fil-periklu tal-mewt wara li jinżel biex jiċċekkja għaliex waqaflu l-vann

Raġel ta’ 32 sena u residenti San Ġiljan, kellu jittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident stradali l-Imsida.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.40 p.m. fi Triq Reġjonali, fid-direzzjoni ta’ Tas-Sliema.

Il-Pulizija tad-Distrett marru mill-ewwel fuq il-post u minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li kienet waqfet vettura tal-għamla Ford Transit li kien qiegħed jinstaq minn raġel ta’ 32 sena, bis-sewwieq jinżel biex jara x’wassal biex waqaf il-vann.

Filwaqt li kien qed jiċċekja l-vettura tiegħu, vettura tat-tip Volkswagen Golf, misjuqa minn raġel Sirjan ta’ 23 sena residenti San Pawl il-Baħar, ġie minn wara u ħabat fil-vettura Ford Transit. Bil-kollużjoni r-raġel sofra xi ġrieħi.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li ta l-ewwel għajnuna u ambulanza li ħadet lir-raġel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Iktar tard, hu ġie ċċertifikat li kien fil-periklu tal-mewt.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Natasha Galea Sciberras LL.D li ħatret Inkjesta filwaqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett.

Share With: