AĠĠORNAT: Żewġ każi ġodda; Ifiqu 12-il persuna oħra b’waħda minnhom ’il fuq minn 90 sena

Mill-1,253 swab test li saru matul dawn l-aħħar 24 siegħa nstabu żewġ każi ġodda ta’ persuni pożittivi. B’dawn l-aħħar każi, in-numru kumplessiv ta’ persuni li ġew infettati bil-Covid-19 tela’ għal 465. Qalet dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci fil-konferenza tal-aħbarijiet li matulha tat aġġornament dwar il-każi ta’ Covid-19 f’pajjiżna.

Il-Prof Gauci qalet li s’issa l-awtoritajiet tas-saħħa għamlu 32,989 swab test.

Fl-istess waqt hija żiedet tgħid li matul dawn l-aħħar sigħat 12-il persuna oħrajn irkupraw mill-virus, biex b’hekk it-total tal-persuni li fiequ mill-Covid-19 issa tela’ għal 351. Mit-12-il persuna li fiequ f’dawn l-aħħar sigħat kien hemm persuna li għandha ’l fuq minn 90 sena.

Hekk kif in-numru ta’ persuni li fiequ mill-marda kulma jmur qed ikompli jiżdied, il-każi attivi ta’ persuni infettati issa niżel għal 110 każi.

Il-każi:

  • Raġel ta’ 33 sena mis-Sudan li jgħix fil-komunità. Huwa kien ġie f’kuntatt ma’ persuna oħrajn pożittiva li diġà kienet reġisrata preċedentement. Ir-raġel fil-fatt jgħix ma’ dan il-każ preċedenti. Il-Prof. Gauci tenniet li permezz tal-contact tracing li qed isiru, l-awtoritajiet tas-saħħa qed jirnexxilhom jikkontjenu l-imxija tal-pandemija fost il-komunità, bil-persuni li jiġu f’kuntatt ma’ persuni pożittivi jinżammu fi kwarantina.
  • Mara ta’ 29 sena mir-Rumanija, li hija residenti Malta. Minkejja li hija taħdem f’pajjiżna, hija kienet waqfet mix-xogħol tagħha qabel ma bdiet turi sintomi tal-marda fis-27 ta’ April li għadda. L-awtoritajiet tas-saħħa qed isegwu lil żewġ persuni li jgħixu magħha.

Intant il-Prof Gauci qalet li mill-każi kollha li ġew reġistrati s’issa joħroġ li 80% tal-każi huwa ta’ persuni li juru sintomi tal-marda, b’20% ma juru l-ebda sintomu. Madankollu hija qalet li meta wieħed jeskludi minn dawn il-każijiet li ħarġu miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far, fejn kien hemm numru ta’ każi bla sintomi, allura l-perċentwal tal-każi fil-komunità li ma kienu qed juru l-ebda sintomi jinżel għal 11%.

Hija żiedet tgħid li f’dawn l-aħħar sigħat ma kienu reġistrati l-ebda każijiet miċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far.

Share With: