“Aġilità”… fejn se tmur l-ekonomija Maltija wara l-pandemija?

Miktub minn Melvin Farrugia

Ditta ta’ konsulenti lokali għamlet riċerka li permezz tagħha qiegħda tipproponi viżjoni fit-tul għall-ekonomija Maltija wara li tgħaddi l-COVID-19. Fl-istudju tagħha, mhux biss rat x’impatt qiegħda tħalli l-imxija tal-COVID-19, iżda ppreżentat ukoll diversi rakkomandazzjonijiet u perspettivi dwar kif nistgħu nimxu ‘l quddiem f’din il-ħajja l-ġdida ta’ wara l-Coronavirus. 

Biex seta’ jsir dan l-istudju, il-kumpanija tkellmet ma’ 18-il imsieħeb soċjali, għamlet intervisti lil 20 sid tan-negozju ewlieni, ingħatat 15-il kontribuzzjoni minn esperti fil-qasam u għamlet stħarriġ fost 385 persuna. 

Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li 41% tan-nies intervistati jemmnu li s-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom se tkun agħar minn dik ta’ qabel ma laqtitna l-COVID-19. Min-naħa l-oħra, 17% jemmnu li wara li tgħaddi din il-pandemija se jfaddlu aktar flus. 

Filwaqt li kien hemm 27% li diġà esperjenzaw tnaqqis fil-pagi, hemm 36% oħra li qed jistennew li se jonqsulhom il-ġranet tax-xogħol. Madankollu, 65% tal-impjegati intervistati qalu li huma lesti li jkunu flessibbli. 

Rigward il-barranin li jgħixu f’pajjiżna, kien hemm 62% minn dawk intervistati li qalu li qed isibuha bi tqila biex iħallsu l-kera. Madankollu, 60% ta’ dawn il-barranin qalu li xorta se jibqgħu Malta wara li jgħaddi kollox. 

Filwaqt li 68% tan-nies iħossu li mhux se jkunu jistgħu jirritornaw għan-normalità u għar-rutina minnufih, kien hemm 70% li qalu li għalissa se jipposponu l-ivvjaġġar. 

Intant, ir-rapport jispjega li dan l-impatt li ħalla l-Coronavirus, wassal biex il-Gvern ikollu jirrispondi b’mod li qatt ma rajna bħalu permezz ta’ politiki soċjali u ekonomiċi. 

Jirrikonoxxi li l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna ppermetta li l-Gvern jimmanuvra u jintervjeni, minkejja li l-pandemija affettwat is-sentiment ekonomiku fost in-nies. 

Fuq kollox, dan l-istudju janalizza fejn se jmur pajjiżna wara li jgħaddi kollox. Jisħaq fuq il-bżonn li jsir sforz kollettiv u dan billi kulħadd jagħmel il-parti tiegħu biex itejjeb is-sitwazzjoni. Dan se jkun jitlob flessibbiltà, aktar għarfien u tagħlim f’ħiliet ġodda, filwaqt li tkompli l-etika fuq ix-xogħol. 

Għalhekk, il-konsulenti jissuġġerixxu tliet fażijiet – li jsalvaw, li jistabbilizzaw u li jirnexxu mill-ġdid. 

Bħala ditta tal-konsulenzi, Seed żviluppat ukoll linji gwida għas-sidien tan-negozji ewlenin li jibbażaw fuq sitt passi prinċipali. Dawn isemmu li tingħata prijorità lin-nies u lis-sigurtà; li jidentifikaw miżuri ta’ appoġġ; li jbidlu l-istrateġija biex jibnu r-reżiljenza; li jittrasforaw il-mudelli tan-negozju u li jilqgħu t-trasformazzjoni diġitali. 

Min-naħa l-oħra, jenfasizzaw fuq il-bżonn li l-Gvern ikompli jkollu rwol primarju biex permezz ta’ inizjattivi politiki li jduru madwar miżuri fiskali, amministrattivi, monetarji u anke legali. Fost dawn jirreferu għal tibdil fit-taxxi biex isostnu l-qawmien mill-ġdid tal-ekonomija u tqassim aktar dirett lejn kumpaniji bħal start ups u lejn in-nies. 

Finalment, l-awturi tar-rapport jisħqu fuq il-bżonn tal-aġilità fl-azzjonijiet kollettivi li nieħdu biex nibdew infiqu.

Share With: