Aktar sewwieqa mħarrka fuq sewqan eċċessiv

F’operazzjoni oħra konġunta bejn it-Taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku u tar-Rapid Intervention Unit, matul il-ġurnata tal-lum, inħarġu 62 taħrika, il-maġġoranza fuq sewqan eċċessiv.

Għat-tieni Ħadd konsekuttiv, diversi sewwieqa abbużaw mit-toroq kważi vojta u komplew jinjoraw l-appelli għal sewqan bil-galbu.

Il-kontrolli rigward sewqan eċċessiv saru fost oħrajn fil-Bypass ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll tul Triq il-Kosta.

B’kollox inħarġu 56 taħrika għal sewqa b’veloċità eċċessiva. L-ogħla veloċità rreġistrata kienet ta’ 145 kilometru fis-siegħa f’żona ta’ 80 kilometru fis-siegħa, mill-ġdid fil-bypass ta’ San Pawl il- Baħar.

Il-Pulizija ħarġu wkoll żewġ taħrikiet minħabba li l-vetturi kellhom il-ħġieġ tinted u erba’ taħrikiet oħra hekk kif il-karozzi mwaqqfa ma kellhomx pjanċa tar-reġistrazzjoni.

Minbarra dawn it-taħrikiet, il-Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku qed jagħmlu rondi f’diversi toroq oħra, b’enfasi wkoll fuq sewqan bil-mobile u fuq vetturi kummercjali, kif ukoll tħaris tar- regolamenti skont l-Avviż Legali dwar in-numru ta’ persuni fi spazji pubbliċi.

Share With: