Alfred Sant jappella għal appoġġ Ewropew lill-ekonomiji tal-gżejjer milquta mill-influss tal-immigranti

F’ittra lill-Presidenti tal-Kummissjoni Ewropea, tal-Kunsill Ewropew u tal-Presidenza tal-UE iffirmata b’mod kungunt minn numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej, l-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant appella għas-solidarjetà mal-popolazzjoni ta’ pajjiżi li se jkunu l-aktar affettwati mill-kriżi tas-saħħa Covid-19 partikolarment ekonomiji ta’ gżejjer fejn l-impatti previst hu sinifikanti.

Fuq l-inizjattiva ta’ Alfred Sant, l-ittra tinkludi taqsima li titlob soluzzjoni biex it-tħassib dwar il-migrazzjoni jkun ikkunsidrat fil-politika li għandha titfassal biex jipprovdu appoġġ sinifikanti għall-gżejjer fil-Mediterran.

Minbarra l-problemi maħluqa mill-pandemija tal-koronavirus, ċerti gżejjer fil-Mediterran kellhom ilaħħqu ma’ influss ta’ migrazzjoni li jaffettwa l-iżvilupp normali tas-sistemi soċjali tagħhom.

Skont l-iktar statistiċi reċenti tal-Eurostat, l-ekonomiji tal-gżejjer qed jesperjenzaw tnaqqis ekonomiku meta mqabbel ma ‘ reġjuni oħra. Il-pandemija attwali ta’ Covid-19 ser tiggrava ħafna din it-tendenza, u tista’ saħansitra tikkawża l-kollass ekonomiku ta’ gżejjer jekk ma jkunux sostnuti biżżejjed.

L-ittra tenfasizza t-turiżmu bħala attività fundamentali għall-gżejjer kollha, b’mod partikolari fil-Mediterran, li se jkun affettwat l-iktar mill-konsegwenzi tal-pandemija minħabba d-dipendenza fuq it-trasport bl-ajru u marittimu. Dawn huma għal kollox wieqfin u mistenni li jibqgħu hekk għal xhur. Bħala riżultat, it-turiżmu se jkun l-aħħar attività ekonomika li tista’ terġa’ titqajjem, u mhuwiex ċert li dan se jseħħ qabel tmiem is-sajf.

L-ittra tirreferi wkoll għall-fraġilità potenzjali tal-attivitajiet ekonomiċi fil-gżejjer u tappella għal miżuri speċifiċi ta’ emerġenza u mekkaniżmu ta’ solidarjetà rinforzat u adattat biex jipprevjeni, u jillimita l-kriżi ekonomika riesqa lejn il-gżejjer tal-UE.

L-ittra, proposta mill-Viċi President responsabbli għall-gżejjer fl-Intergroup tal-Ibħra, ix-Xmajjar, il-Gżejjer u ż-Żoni tal-Kosta tal-Parlament Ewropew, ġiet ikkomunikata wkoll lill-President tal-Parlament Ewropew, lill-Ewroparlamentari kollha, lil diversi Kummissarji Ewropej kif ukoll membri tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

Share With: