Alternattiva mill-UEFA jekk il-kampjonati ma jitkomplewx

Għadu kollox indeċiż jekk il-UEFA Champions League u l-UEFA Europa League jispiċċawx il-kompetizzjonijiet tagħhom.

Hekk kif il-COVID-19 baqa’ jiddomina fuq il-pajjiżi kollha tad-dinja għalkemm l-intensitá tiegħu bdiet tonqos bil-mod, xorta waħda għad hemm biżgħa ta’ tixrid jekk il-pajjiżi jneħħu ċerti restrizzjonijiet. Kollox għadu inċertu u ħadd ma jaf x’se jiġri. Dan ir-raġunament japplika wkoll għall-kampjonati domestiċi l-oħra madwar id-dinja inklużi dawk Ewropej.

Bħalissa hawn dibattitu sħiħ dwar x’għandu jsir fl-eventwalitá li l-istaġuni ikollhom jieqfu ħesrem. Hawn min qal li l-UEFA għandha tuża’ s-sistema ta’ koeffiċjent tagħha sabiex tasal għal ċerti konklużjonijiiet. Fil-Premier League, jekk wieħed iħares lejn il-pożizzjonijiet ta’ Arsenal u Sheffield United fil-klassifika, dawn jinsabu fid-disa’ u fis-seba’ post rispettivament. Fil-koeffiċjenti tal-UEFA, il-Gunners jinsabu fir-raba’ post filwaqt li t-team minn Sheffield ma jidhirx f’din il-lista. Fl-istess waqt Liverpool ikunu dikjarati champions wara nuqqas sew ta’ snin meta qed igawdu 25 punt vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Manchester City.

Ladarba l-istaġun ma jispiċċax, l-għażla li jkun fadal tkun dik li jkun hemm tbassir ta’ kif tista’ tispiċċa l-klassifika skond il-progress li għamlu t-timijiet matul is-seba’ xhur li kienu fl-azzjoni (calculated prediction). Għalkemm tidher li din hi biċċa xogħol ikkumplikata, ġurnalist partikolari li jaħdem mal-ġurnal, The Daily Mail, u li jispeċjalizza fuq statistika, ħoloq klassifika partikolari li fiha ra l-progress miksub minn ċerti timijiet u saħansitra ra li l-istess Sheffield United jiġu qabel Manchester United u jispiċċaw fir-raba’ post li jkun ifisser kwalifikazzjoni fil-UEFA Champions League.

Minkejja kollox, kienu ħafna li kkritikaw dan il-mekkaniżmu meta qalu li kollox qed jiġi kkalkulat mill-baħħ u l-ebda metodu xjentifiku ma jista’ jmeri dak li jsir fil-ground. 

Kien hemm oħrajn li ssuġġerew li l-klassifika finali ta’ min għandu jikkwalifika għall-kompetizzjonijiet Ewropej issir skond il-mertu sportiv. Anke hawn kien hemm min kellu kritika li mhux kollox jista’ jkun eżatt. 

Skond kalkolu li sar mill-UEFA, l-erba’ timijiet li jikkwalifikaw skond il-mertu sportiv taħghom ikunu Liverpool, Leicester, Chelsea u Man United.

Kif inhu fatt magħruf Manchester City għandhom sentejn barra mill-kompetizzjonijiet organizzati mill-UEFA u għalhekk ma jidħlux f’dan il-metodu.

F’dan il-każ, Sheffield United jilagħbu fil-UEFA Europa League filwaqt li Bournemouth, Aston Villa u Norwich City jiġu dikjarati bħala relegati għall-Ewwel Diviżjoni. 

Dan kollu qed isir fi sfond ta’ pressjoni kbira li qed jiffaċċjaw l-awtoritajiet tal-Premier Ingliż biex kollox jitkompla anke bil-bibien magħluqa minħabba li r-riskju ta’ telf finanzjarju huwa ferm kbir speċjalment minħabba d-drittijiet televiżivi.

Share With: