Approvata skema Maltija ta’ €350 miljun ta’ għajnuna mill-istat

Iktar għajnuna għan-negozji Maltin wara deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea

Ritratt: Alan Saliba

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret li hija approvat skema ta’ għajnuna mill-Istat Malti, lin-negozji u lill-intraprizi lokali biex tkompli tappoġġja l-ekonomija, b’reazzjoni għall-ħerba ekonomika li qiegħda tħalli warajha l-pandemija tal-Covid-19.

Iktar kmieni fix-xahar li għadda, pajjiżna kien nnotifikat lill-Kummissjoni li kien xtaq iniedi skema ta’ garanzija għal self ta’ kapital operatorji mogħti mill-banek kummerċjail, bħala sostenn lil dawk l-intrapriżi li ntlaqtu b’mod negattiv għall-pandemija tal-Covid-19.

Fir-reazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ddeskriviet il-miżura Maltija bħala waħda “meħtieġa, xierqa u proporzjonata.” Intant, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Margrethe Vestager, saħqet li din l-iskema “sejra tkun ta’ sostenn għall-ekonomija Maltija. Se tkun ta’ għajnuna biex in-negozji jkopru l-bżonnijiet immedjati ta’ kapital operatorji, u biex ikomplu l-attivitajiet tagħhom f’dawn iż-żminijiet diffiċli.”

“Il-Kummissjoni għadha għaddejja b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, biex niżguraw li l-miżuri ta’ appoġġ nazzjonali jkunu jiistgħu jiġu implimentati f’waqthom, b’mod koordiniat u effettiv, f’konformita mar-regoli tal-UE.”

Share With: