Avviż importanti għal dawk li kienu se jsiefru fix-xhur li ġejjin

Linji gwida li jħarsu d-drittijiet tal-konsumatur

Bħal ma jaf kulħadd, bħalissa l-ivvjaġġar barra u lejn Malta hu wieqaf minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Konsegwenza t’hekk ħafna vjaġġi ta’ package tours kellhom jitħassru. Din kellha impatt fuq ħafna konsumaturi speċjalment rigward id-drittijiet tagħhom minħabba li ma kienux huma li ħassru l-vjaġġ. 

L-Għaqda tal-Konsumaturi għadha kemm ħarġet linji gwida, sew għal dawk il-konusmaturi li kellhom il-vjaġġ tagħhom imħassar u sew għal dawk li l-vjaġġ tagħhom s’issa għadu ma tħassarx iżda ġew offruti voucher. 

L-Għaqda tixtieq tinforma li l-liġi li tħares lill-konsumaturi meta l-vjaġġ tagħhom jitħassar mill-aġent tal-ivvjaġġar għadha hemm bħalma għadhom id-drittijiet tal-konsumaturi. Biss hemm aġenti li qed joffru alternattiva permezz ta’ voucher. 

L-Għaqda ħarġet linji gwida li jinstabu fuq il-webpage tal-Għaqda, www.camalta.org.mt, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jħarsu d-drittijiet tagħhom speċjalment meta jkunu ser jieħdu voucher. Hu importanti li l-konsumaturi jaraw li l-kundizzjonijiet kollha imsemmija jiġu mħarsa u hu fl-interess tal-konsumaturi li dawn jingħataw lilhom bil-kitba. B’hekk ikunu qed jassiguraw id-drittijiet tagħhom. 

Il-linji gwida juru l-vantaġġi u l-iżvantaġġi sew għal dawk il-konsumaturi li jkunu jridu l-flus lura u sew għal dawk il-konsumaturi li jieħdu voucher. 

Dawn il-linji gwida ġew żviluppati wara konsultazzjoni mal-BEUC li hi l-Għaqda Ewropea tal-Konsumaturi. 

Share With: