Bad Boy Cleaners joffru għajnuna għal min għandu bżonn b’mod volontarju

Il-GWU kommessa tkompli taħdem biex dan il-mudell jiġi adottat minn kumpaniji differenti

Minn MARIA AZZOPARDI

Minkejja li l-imxija tal-Covid-19 ħalliet impatt fuq il-kumpanija tal-Bad Boy Cleaners fejn saħansitra tilfu ammont sostanzjali  ta’ xogħol, minhabba li klijenti kellhom jgħalqu n-negozju tagħhom, din il-kumpanija rat kif tbiddel l-isfidi marbuta mas-sitwazzjoni tal-virus f’Malta f’opportunità.

Dan kien ukoll possibbli grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-General Workers’ Union u l-Bad Boy Cleaners. Permezz t’hekk madwar 30 ħaddiem, li fil-maġġor parti tagħhom jiġu minn pajjiżi terzi, fehmu s-sitwazzjoni u qegħdin jikkollaboraw biex xorta waħda jibqgħu jagħtu servizz. Id-Direttriċi ta’ Bad Boy Cleaners Claudine Ellul Sullivan spjegat li minflok dawn il-ħaddiema jibqgħu d-dar u jirċievu l-benefiċċju intitolat tat-€800 skont il-miżuri mħabbra, se jkunu qed jgħinu lil kull min għandu bżonn b’mod volontarju. 

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Ospitalità u Ikel Kenny Muscat, qal, “Bħala General Workers’ Union aħna kommessi li nkomplu naħdmu fuq il-valuri li jsawwruna bħala Union biex nippromwovu l-bżulija u fl-istess waqt il-valuri ta’ solidarjetà. Qed nippruvaw biex anke, minkejja s-sitwazzjoni preżenti, naħdmu biex mhux biss ngħinu direttament mill-aspett ta’ xogħol imma saħansitra fuq bażi nazzjonali. Bħala GWU ninsabu kommessi biex inkomplu naħdmu biex tassew dan il-mudell jiġi adottat minn kumpaniji differenti.”

Id-Direttriċi ta’ Bad Boy Cleaners spjegat li huma jixtiequ jgħinu lil dak li jkun bl-aħjar mod possibbli. “Nafu li hawn ħafna anzjani b’mod speċjali li jinsabu weħidhom u forsi jkollhom bżonn xi tip ta’ għajnuna bħal tindif, teħid ta’ xirjiet jew affarijiet simili li jistgħu jiġu fil-bżonn. Kien hemm ukoll każ fejn pensjonant kellu bżonn l-għajnuna wara li d-dar għerqet u għalhekk il-ħaddiema tagħna marru biex ineħħu l-ilma. Nifhmu li bħalissa kulħadd għandu bżonn l-għajnuna u għalhekk qed nieħdu din l-inizjattiva.

Hija assigurat li filwaqt li qed jingħata dan is-servizz b’mod volontarju, fl-isfond tal-imxija tal-Covid-19 qed jittieħdu kull miżura ta’ prekawzjoni biex jissalvagwardjaw kemm lil persuni li jkunu qed jgħinu kif ukoll lill-impjegati. Id-Direttriċi żiedet tgħid li se jkunu qed jestendu wkoll din is-sejħa lill-Kunsilli oħra fostom dawk tal-Isla, Birgu u Bormla li jiġu bżonn ta’ ħaddiema biex iwettqu xogħol bħal dak rigward ta’ manutenzjoni u tindif.

Dawk li jixtiequ aktar tagħrif dwar dan is-servizz huma mħeġġa jikkuntatjaw lill-kumpanija Bad Boy Cleaners. Dan is-servizz huwa mogħti fuq bażi volontarja u kull każ jigi annalizat individualment. 

Share With: