Barrikati quddiem il-fergħa tal-BOV f’Raħal Ġdid biex jikkontrollaw il-persuni li qed jinġemgħu quddiemu

Il-Pulizija poġġew barrikati quddiem il-fergħa tal-BOV f’Raħal Ġdid. Dan biex ikunu jistgħu jiggwidaw l-ammont ta’ persuni li kienu qed jinġemgħu quddiem il-fergħa biex jinqdew mis-servizzi li joffri.

Kien il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri li għamel kuntatt mal-Pulizija dwar il-kwistjoni wara li kien avviċinat u kkomunikaw miegħu s-Sindku tal-lokalità u diversi membri oħrajn tal-Kunsill.

“B’daqsxejn aktar attenzjoni nieħdu ħsieb aktar lil xulxin,” tenna l-Ministru Camilleri.

Matul dawn il-jiem, kienu diversi l-persuni li ġibdu l-attenzjoni dwar l-ammont ta’ persuni li qed jinġabru quddiem il-fergħat tal-banek lokali f’diversi lokalitajiet. Saħansitra bosta talbu lill-awtoritajiet biex jieħdu azzjoni hekk kif urew it-tħassib tagħhom kif l-ammont ta’ persuni miġburin quddiem il-fergħat rispettivi ma kinux qed jirrispettaw id-distanza mitluba mill-awtoritajiet bil-għan li ma jkomplix jinfirex il-virus tal-Covid-19.

Share With: