“Biex insalvaw il-ħajjiet hemm bżonn insalvaw is-sistema tas-saħħa pubblika”

It-tabib Ferriggi jemmen li jiddependi minna jekk imutux in-nies jew le … Jissuġġerixxi l-użu tal-maskri

Miktub minn Carmen Cachia

Kennedy snin ilu qal, ‘issa hemm bżonn tara int x’tista’ tagħmel għal pajjiżek u mhux x’pajjiżek jista’ jagħmel għalik’ u l-istess jgħodd għalina l-Maltin f’dan il-perjodu. It-theddida tal-Coronavirus hija waħda reali u għandu mnejn għadna fiċ-ċans li nevitaw katastrofi bħalma ġara f’pajjiżi oħra viċin tagħna fosthom fl-Italja, fejn it-tixrid tal-virus tela’ f’daqqa u l-imwiet irriżultaw f’eluf kbar.    Dr Joe Ferriggi qal lil Inewsmalta.com li jekk aħna se jkollna ħafna każi f’daqqa, dik li nsejħulha ‘spike’, bħalma ġara f’pajjiżi oħra, mhux se jkollna biżżejjed riżorsi fil-kura intensiva bil-periklu li nkissru s-sistema tas-saħħa pubblika. “Jekk imutux in-nies mill-Coronavirus jew le, jiddependi minna u mhux mill-Gvern. Issa f’idejna u din mhix ċajta,” sostna t-tabib.

Hekk kif kien bassar Dr Ferriggi stess, f’dawn l-aħħar ġranet, espejenzajna qabża konsiderevoli tal-każijiet ta’ infezzjonijiet. Ikkonsidrata bħala qabża f’daqqa (spike) fil-curve tal-ewwel mewġa ta’ din il-pandemija, it-tabib mir-Rabat kien diġà saħaq fl-importanza li nobdu l-appelli tal-awtoritajiet tas-saħħa lokali billi nosservaw is-social distancing u noqogħdu ġewwa kemm jista’ jkun. Huwa saħaq li dawn il-ħmistax huma kruċjali u reġa’ tenn l-appell tiegħu biex isir partial lockdown fil-weekends u l-festi pubbliċi.

Minħabba li, minkejja li f’dawn l-aħħar ġimgħat sar tħanbiq pjuttost fuq widnejn torox għal perċentwal indixxiplinat tas-soċjetà li baqa’ joħroġ fi gruppi, huwa jħoss li hemm bżonn ta’ aktar dixxiplina. Il-parir ta’ dan it-tabib huwa li jekk in-nies ma jisimgħux bit-tajjeb, se jkun hemm bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet iebsa u “l-poplu se jkollu jisma’ bid-dnewwa”.

“Ħadd ma jrid jara lin-nies imutu speċjalment lill-qraba tiegħu. It-tzunami, jew il-mewġa f’daqqa, ta’ każi li ilu jgħid biha l-Gvern, ma rriduhiex. Biex insalvaw il-ħajjiet hemm bżonn li nsalvaw is-sistema tas-saħħa pubblika u dan jista’ jsir biss jekk kulħadd joqgħod ġewwa. Dan minħabba li kulħadd jista’ jirriżulta għadu għax ma tafx jekk il-persuna ta’ ħdejk hiex infettata jew le,” spjega Dr Ferriggi.

Għandna nuru sens ta’ responsabbiltà għax inkella kull familja f’Malta se tibki

Meta t-telgħa tkun wieqfa, tgħejja titlagħha…”

Meta jinqata’ d-dawl għax ikun hemm konsum f’daqqa ta’ elettriku minħabba li kulħadd jixgħel l-airconditioners fis-sajf, ma jfissirx li l-power station tagħna mhix tajba u dan jgħodd ukoll fil-każ ta’ infezzjonijiet f’daqqa bil-Covid-19. “Ninsabu f’qagħda kritika u f’xifer ta’ sitwazzjoni li tista’ tfisser telf ta’ ħajja ta’ ħafna nies. Dan mhuwiex il-każ tal-persuni vulnerabbli biss, imma għax is-sistema mhix se tlaħħaq. Jekk is-servizz nazzjonali tas-saħħa jfalli, se jmutu n-nies,” wissa t-tabib.

Huwa qal li bħalissa ninsabu fi gwerra kontra għadu li ma nafu xejn dwaru, kura għalih m’hawnx u tilqima lanqas. “Issa m’hemmx lok li jkun biss suġġeriment li n-nies joqogħdu ġewwa. Issa hemm bżonn li jkun hemm ordni mill-awtoritajiet. Ma nistgħux nibqgħu poplu indixxiplinat. Il-problema hija kerha għax l-andament jiddependi min-nies u mhux mill-gvern, jiġifieri jekk nerbħux il-battalja kontra l-Coronavirus, jew le,” kompla Dr Ferriggi.

Huwa sostna li l-poplu jrid jifhem tliet affarijiet: l-ewwel: min ma jafx il-gravità, hemm bżonn li jifhimha; it-tieni: il-gvern għamel il-parti tiegħu però issa jiddependi mill-poplu biex ma nfarrkux is-sistema; u fl-aħħar, għandna nuru sens ta’ responsabbiltà u ningħaqdu fuq kull livell għax inkella kull familja f’Malta se tibki.

Dr Ferriggi qal li ilna erba’ ġimgħat nitħadtu x’inhuwa l-Coronavirus u fil-kamp mediku qegħdin jindunaw li dak li ngħad dak iż-żmien, m’għadux japplika għal-lum u l-istorja qiegħda tinbidel għall-agħar. “Qegħdin isiru studji fuq gruppi żgħar ta’ nies biex noħorġu ċertu kwalitajiet tal-virus u dan bil-għan li nsiru nafu kif se nsibu tarf tiegħu,” kompla t-tabib.

Hemm ħafna mistoqsijiet li ma nistgħux nirrisponduhom

Tliet tipi ta’ trasmissjoni tal-virus li huma ta’ periklu

Huwa qal li dak li nafu fiċ-ċert huwa li l-marda tittieħed minn persuna għall-oħra u l-perikli mill-Coronavirus huma akbar minħabba li din hija marda ġdida u “tinfirex bħan-nar”. Fil-bidu tagħha din suppost kienet tittrasmetti ruħha minn irxiex żgħir (droplets) u għalhekk sar is-social distance. Minħabba f’hekk, fil-bidu kien issuġġerit li jkun hemm distanza ta’ metru bejn persuna u oħra. Barra d-distanza, il-professjonisti tas-saħħa kienu wkoll wissew biex nevitaw li mmissu mal-affarijiet tal-madwar fosthom uċuħ ta’ mwejjed u pumi, kif ukoll biex naħslu jdejna sewwa u ta’ spiss.

“Dan kien dak li konna qegħdin naħsbu fil-bidu tal-pandemija. Imbagħad morna għal żewġ metri distanza bejn persuna u oħra. Iżda issa hemm suspetti u indikazzjonijiet li dan il-virus, possibbilment, huwa airborne u għalhekk meta persuna tkun f’post magħluq bħal fil-każ ta’ uffiċċju, jista’ jagħti l-każ li persuna tiġi nfettata wkoll. Kien proprju għalhekk li għidnilkom biex toqogħdu attenti mill-airconditions,” spjega Dr Ferriggi.

Filwaqt li għamilha ċara li s’issa m’hemmx evidenza li dan il-virus huwa airborne, huwa spjega li din il-marda qiegħda tiġri malajr u li għadna biss fl-istudji inizjali tal-karatteristiċi tagħha. Huwa qal li, “ jekk ikun il-każ li l-virus jiġi airborne, li din mhix definita però hemm suspett, se jkollna mmorru oltre mid-distanza ta’ żewġ metri wkoll. Għalhekk għandna din il-problema u hemm il-periklu li jkun hemm trasmissjonijiet bla kontroll”.

It-tabib Ferriggi spjega li hemm tliet tipi ta’ perikli ta’ trasmissjonijiet tal-Covid-19, li huma minn:

1. Persuni sintomatiċi: Dawn almenu huma nies li taf min huma u allura taqlagħhom mis-soċjetà u tibgħathom fi kwarantina għal 14-il jum;

2. Persuni li għadhom bla sintomi iżda infettati u dawn ukoll għandhom 14-il jum biex juru sintomi. Din hija problema kbira li qegħdin niffiċċjaw għax bniedem ma jkunx jaf li għandu l-virus u jkun qiegħed imarrad lil ħaddieħor; u

3. Nies, li għal raġunijiet s’issa mhux magħrufa, dan il-virus ma jagħmlilhom xejn iżda huma carriers. Dawn huma t-tielet u l-agħar problema għax mingħajr ma jafu u għal żmien indefinit, jinfettaw lil ħafna nies.

“Dan ifisser li potenzjalment jista’ jmarrdek kwalunkwe persua għax ma tafx x’tip huwa dak ta’ ħdejk u ma’ min kien. Din hija sfida kbira għal kull servizz tas-saħħa pubblika u dan ovvjament, ma jfissirx li dawn allura huma kollha ħżiena. Il-problema hija gravi u s-servizzi tas-saħħa għandhom sfida kbira quddiemhom,” insista Dr Ferriggi.

“Is-sitwazzjoni hija volatili ħafna u wieħed irid jimxi bis-sens komun u bl-esperjenza ta’ affarijiet oħra, fosthom dik li nafu li l-Covid-19 huwa tal-istess razza tas-SARS. Trid taħseb fil-ħażin ħalli t-tajjeb ma jonqosx u fil-fatt qegħdin isiru u turns fuq ċerti affarijiet fosthom dik tal-maskri,” kompla t-tabib.

Waqt il-battalja qiegħed jinbidel il-battle ground”

Dr Ferriggi qal li l-battalja kontra l-Coronavirus se jkollna niġġielduha żgur. L-importanti huwa li nkunu ppreparati sew u nerbħu l-battalja fuq il-mejda. “Dan għandu jsir qabel nidħlu għall-gwerra għax inkella se nitilfuha. Irridu niddeċiedu, inneħħu d-differenzi ta’ bejnietna u nimxu b’miżuri li jitolbu sagrifiċċju mingħand kulħadd. M’hemmx triq oħra. M’hemm xejn li jweġġa’ aktar milli titlef il-ħajja ta’ bniedem,” qal imħasseb dan it-tabib.

Huwa jemmen li għada jista’ jkun tard wisq għax jekk tieħu l-ħuġġieġa, din se tieħu bil-qawwi. It-tabib qal li f’Malta wasalna fix-xifer u jekk hemm bżonn il-poplu se jkollu jisma’ bid-dnewwa u dan billi jiġi ordnat lockdown. Fl-aħħar mill-aħħar, kompla Dr Ferriggi, dan isir għall-ġid ta’ kulħadd.

L-unika arma hija li, kemm jista’ jkun, ma jkollniex ħafna nies infettati f’daqqa. Huwa qal li l-awtoritajiet qegħdin jagħmlu minn kollox iżda lockdown ma sarx u dan ifisser li xorta hemm fost l-oħrajn nies li jmorru fil-fabbriki għax-xogħol. Dawn il-ħaddiema imbagħad jirritornaw id-dar li fiha jista’ jkun hemm persuni potenzjalment vulnerabbli.

It-tabib kompla jgħid li issa li l-Gvern għamilha ċara li kull min huwa barra għandu ċans jirritorna sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa, il-lockdown probabbilment se jsir. “Għax hija proprju din il-miżura li hija s-soluzzjoni għal din il-marda. Dan minħabba li l-poplu mhuwiex kollu ddixxiplinat u hemm bżonn jifhem li għandu jagħmel ftit sagrifiċċji u joqgħod ġewwa”.

Meta jispiċċa l-Coronavirus…

Mistoqsi dwar meta jaħseb li se tieqaf din il-pandemija, Dr Ferriggi qal li ħadd għadu ma jaf meta dan se jseħħ. Huwa spejga li għalissa, huwa importanti li nimxu ġurnata b’ġurnata, “għax ħadd ma jaf għada x’se jiġri”.

Huwa tkellem ukoll dwar l-effetti ta’ wara li se jista’ jkollu dan il-virus fuq saħħet il-bniedem. It-tabib qal li fil-futur, meta kollox ikun għadda, jista’ jkun li jkollna żieda fil-persuni li jbatu bl-ażma, min ikollu ħsara fit-tissue tal-pulmun jew inkella problemi oħra fis-saħħa fiżika. “Vera jkun għaddielhom u għexu, imma ma nafux jekk pazjenti li mardu bil-Coronavirus humiex se jkollhom problemi fis-saħħa għall-bqija ta’ ħajjithom. Illum ħarġet l-aħbar li 20% tal-persuni infettati bil-Coronavirus, jista’ jkollhom problemi tal-qalb u jekk tiflu sewwa taraw li l-ħin kollu ħerġin affarijiet ġodda dwar l-effetti tal-virus. Hemm ħafna mistoqsijiet li ma nistgħux nirrisponduhom. Lanqas biss nafu jekk se jkunx hemm it-tieni mewġa tal-pandemija. Li huwa żgur, li din mhix eskluża,” wissa t-tabib.

Dwar l-opinjoni tiegħu fuq tilqima “ta’ malajr”, Dr Ferriggi qal li normalment il-proċeduri jieħdu sa 18-il xahar u m’huwiex kuntent ħafna li se jaqbżu proċeduri ta’ kontroll u sigurtà fuq it-tilqima. Huwa jispera li din titlesta qabel il-possibbiltà tat-tieni mewġa, iżda wara se jkunu jafu eżatti l-affarijiet.

“Wasalna fi kliemi. Mhuwiex biżżejjed it-tagħrif u t-twissijiet. Issa hemm bżonn li nieħdu azzjoni konkreta u immedjata. Dawn il-miżuri u s-sagrifiċċji huma bżonnjużi biex ma jkunx tard wisq għalina u għall-għeżież tagħna. Għandna biżżejjed mera b’dak li ġara f’pajjiżi oħra li, sfortunatament, tkaxkru b’din it-tifqigħa qerrieda,” temm Dr Ferriggi.

Is-sens komun jgħidlek ilbes il-maskra

It-tabib Joe Ferriggi, li ilu fil-qasam mediku għal kważi 40 sena, spjega li fil-bidu tal-pandemija tal-Coronavirus l-użu tal-maskri ma kienx irrakkomandat. Issa kemm mill-esperjenza, kif ukoll mis-sens komun, huwa jemmen li tajjeb li nibdew nużawhom. Dan għas-sempliċi raġuni li jistgħu jgħinu bħala mezz ta’ prevenzjoni. Huwa qal li din mhix kwistjoni li l-gvernijiet jibdlu l-gwidi tagħhom, iżda kwistjoni li ninsabu f’sitwazzjoni fejn l-affarijiet qegħdin jinbidlu l-ħin kollu.

“Il-maskra ġid se tgħamillek, mhux deni. M’hemmx ċans noqogħdu nistennew konfermi mill-istudji. Dan minħabba li    jekk ma tittieħidx prevenzjoni, dawk il-persuni li jġorru l-virus u m’għandhomx sintomi jistgħu jkunu parti minn ħuġġieġa li twassal għal diżastru totali. Jekk tilbes il-maskra inti, tkun qiegħda tipproteġi lil dawk ta’ ħdejk u fl-istess ħin jekk persuna ħdejk tilbes il-maskra, din tkun qiegħda tipproteġi lilek u dan jgħin żgur,” spjega dan it-tabib.

Dr Ferriggi qal li dwar dan is-suġġett, il-pajjiżi huma maqsumin fl-opinjonijiet tagħhom iżda huwa jemmen li l-maskra tagħmel tip ta’ protezzjoni u għalhekk hija forma ta’ prevenzjoni. It-tabib qal li, “m’hemmx għalfejn maskra ta’ tip partikolari jew sofistikata. Ikun biżżejjed jekk tagħmel biċċa ċarruta”.

Il-fabbrika Bortex ta’ Malta fil-fatt fuq il-Facebook għadha kemm ħabbret li se tibda tipproduċi maskri u lbies protettiv għall-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u hawnhekk Dr Ferriggi qal li dan ukoll juri li l-maskri huma mezz ieħor ta’ prevenzjoni effettivi u li issa se jibdew jintużaw aktar. Dan barra li f’diversi pajjiżi, in-nies diġà jagħmlu użu mill-maskri meta joħorġu barra.

Share With: