BLA EŻAMIJIET

Miktub minn ALFRED SANT

Studju bla eżamijiet kienet materja li matul is-snin qanqlet kontroversja sħiħa fl-iżvilupp tas-sistema edukattiva tagħna. Mhux se nidħlu fiha hawn.

Illum, f’sistema fejn l-eżamijiet għadhom ir-regola, iż-żgħażagħ li kienu waslu biex jagħmlu dak li fi żmien kien jissejjaħ l-“O” Level, intqalilhom li aħjar ma jsirx minħabba l-imxija tal-corona virus. Minflok, ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom fuq il-bażi ta’ kif ħadmu matul l-istudji tagħhom. Jew inkella jistgħu jagħtu xi eżamijiet f’Settembru li ġej, jekk fhimt tajjeb.

Il-kompromess hu validu u serju. Imma nifhem id-diżorjentament li numru ta’ studenti ħassew b’dak li qed jiġri. Ikunu ilhom jimmiraw matul l-aħħar sentejn jew tlieta biex jgħaddu minn din il-prova, u issa tkun tneħħitilhom.

L-eżamijiet huma żmien ta’ dwejjaq imma wkoll ta’ sfida. Kull bniedem, żgħir jew kbir fl-età, jista’ jħossu wisq marsus meta l-isfida titneħħielu.

BLA TELF TA’ ŻMIEN 

  Kif naraha jien, l-Ewropa trid tiddeċiedi malajr kemm jista’ jkun b’liema mod se timxi dwar il-pjan li għandu jitfassal biex wara li l-imxija tal-corona virus tixxejjen, l-ekonomiji Ewropej se jirkupraw. Sa issa, l-aktar li ssemmew kienu proposti li tpoġġew ’il-quddiem bħallikieku għad-dibattitu. Dan għadu għaddej, anke wara l-Kunsill Ewropew ta’ tard il-ġimgħa li għaddiet.

Għalija hi ħaġa ċara li hemm priorità biex programmi effettivi u qawwija ta’ ħidma jiġu maqbula u jitfasslu bil-lest ħalli jitwettqu.

Forsi qed nifhem ħażin, u nittama li hu hekk. Imma jidher li għadna bogħod milli nkunu wasalna għall-punt li qed insemmi.

Jew għad jirbaħ l-argument ta’ min isostni li l-Unjoni Ewropea dejjem tittardja biex tiddeċiedi. Wara kollox għandha 27 membru, kollha bl-opinjoni u bl-interessi tagħhom. Sa issa dejjem waslet, anke meta tard. Insomma, veru dan?

TURIŻMU

Dawk li jinsabu impenjati fl-industrija tat-turiżmu għandhom quddiemhom sfida qawwija. Fl-istorja ta’ pajjiżna m’għandhiex preċedent. L-istess ħaġa tgħodd għal ħafna mid-destinazzjonijiet Mediterraneji li żviluppaw fl-aħħar tletin/erbgħin sena.

Hawn min jipprevdi li wara li tkun battiet l-imxija, t-turiżmu lejn il-Mediterran se jfur f’daqqa. Nittama li jiġri hekk, imma niddubita.

Previżjoni oħra hi li t-turiżmu jirkupra bil-mod imma se jġarrab rata ta’ tkabbir li tkun sostnuta, hekk kif in-nies tħawtel biex teħles mid-dwejjaq li l-imxija kkawżat u terġa’ lura għal modi ta’ għajxien u divertiment ta’ qabel. 

Forsi l-importanti f’dan kollu hu li tinstab triq lejn irkupru li jkun sostnut. Aħjar jiġi tard u jkollu nifs, milli wara li jasal, il-fejqan jerġa’ jinxef.

L-ottimiżmu dwar il-futur irid jinbena fuq pedamenti sodi.

Share With: