Carlos Tevez b’qalb tad-deheb

Il-player Arġentin Carlos, Tevez, qal li l-football irid jagħmel iktar biex jgħin is-setturi l-iktar żvantaġġati tas-soċjetà u stieden lill-kollegi tiegħu biex jinvolvu ruħhom ma’ dawk inqas ixxurtjati minnhom.

Tevez, li jinsab fl-aħħar xhur tal-kuntratt tiegħu ma’ Boca Juniors, waqaf ftit milli jitlob lill-players biex jagħtu parti mis-salarju tagħhom iżda qal li l-aqwa players għandhom biżżejjed flus imwarrba biex jaraw lilhom infushom fi żminijiet diffiċli.

“Il-players tal-football jistgħu jgħixu sitt xhur fis-sena (mingħajr ma jitħallsu). Mhumiex fi stat iddisprat bit-tfal jum wara jum, wara li jħallu djarhom fis-6.00 am u jirritornaw fis-7.00 pm sabiex jitimgħu l-familja. Aħna rridu nkunu hemm u ngħinu.

“Irridu nkunu grati li aħna siguri u sodi. U npoġġu lilna nfusna fil-post ta’ ħaddieħor,” qal l-Arġentin.

Tevez, li lagħab ma’ Manchester United, Manchester City, Corinthians, West Ham u Juventus, qal li jittama li l-pandemija tal-coronavirus se ġġiegħel lin-nies ibiddlu l-imġieba tagħhom.

“Huwa importanti għal kulħadd li tkun magħqud u li tipprova tgħin lin-nies li l-aktar għandhom bżonn,” huwa qal.

“Nittama li d-dinja turi aktar solidarjetà. Aħna qed nirrealizzaw li aħna lkoll indaqs. Jolqotna lkoll bl-istess mod, in-nanniet saħansit­ra aktar, kemm jekk huma fl-Arġentina jew fl-Istati Uniti.

“Nispera wkoll li nikbru bħala soċjetà u li għada d-dinja tinbidel għall-aħjar. Il-virus jgħallimna dan. Nittama li lkoll kemm aħna noħorġu minn dan.”

Il-kummenti ta’ Tevez, li wrew li għandu qalb tad-deheb, ħarġu hekk kif l-aqwa clubs Ingliżi ġabru mijiet ta’ impjegati, iżda ma rnexxiel­homx jitolbu sagrifiċċji kbar mill-players miljunarji tagħhom.

Id-deċiżjoni kkawżat kontroversja u ġegħlet lis-Segretarju tas-Saħħa Ingliż, Matt Hancock, jgħid li l-players tal-Premier League għandhom jieħdu tnaqqis fil-paga u “jaqdu l-parti tagħhom” hekk kif il-Britannja qed tikkumbatti l-pandemija tal-coronavirus.

Share With: