Chris Cardona dejjem ħadem b’risq in-nies li kien jirrapreżenta fil-Parlament – PL

Wara li sar magħruf pubblikament li d-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Chris Cardona se jkun qiegħed jirrizenja minn Deputat Parlamentari, il-Partit Laburista jrid iwassal ir-ringrazzjament tiegħu għall-ħidma li Dr Chris Cardona dejjem wettaq fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi u tan-nies li huwa jirrapreżenta. 

Chris Cardona se jibqa’ jżomm il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Dwar Dr Chris Cardona:

Chris Cardona kien ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1996 u baqa’ jiġi elett fl-elezzjonijiet tal-1998, 2003, 2008, 2013 u 2017, dejjem mal-Partit Laburista.

Fl-aħħar elezzjoni ġenerali kien ikkontesta u ġie elett fuq it-tmien distrett. Minn dan id-distrett, f’isem il-Partit Laburist kien ġie elett ukoll Scicluna Edward fejn ċeda postu u floku ġie elett Zammit Lewis Edward b’elezzjoni każwali. Kienu kkontestaw ukoll Cutajar Rosianne li ġiet eletta fis-sitt distrett, u Muscat Alex li ġie elett fil-ħdax-il distrett. Iż-żewġ kandidati f’isem il-Partit Laburista li baqgħu ma ġewx eletti u li jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni każwali, huma Castaldi Paris Ian u Tua Rachel.

Meta post ta’ Membru jitbattal, il-Kummissjoni fi żmien ħamest ijiem mid-data li jasal għandha r-Writ tal-President, tippublika avviż fil-Gazzetta tal-Gvern biex issir elezzjoni każwali biex jimtela l-post battal. Fi żmien ħamest ijiem mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, kull persuna li kkontestat l-aħħar elezzjoni ġenerali fuq l-istess distrett fejn ikun tbattal il-post, u li jkun għad għandha l-kwalifiki meħtieġa biex tiġi eletta bħala Membru, tista’ bil-kunsens tagħha, tiġi nnominata bħala kandidat għal dan il-post battal.

Wara l-ħamest ijiem allokati għas-sottomissjonijiet tan-nomini, il-Kummissjoni fi żmien tlett’ijiem għandha tagħti d-deċiżjoni tagħha dwar il-validita’ tagħhom, tippubblika fuq formola stabbilita l-ismijiet u l-partikolaritajiet tal-kandidati u tilqa’ xi oġġezzjoni li jista’ jkun hemm. 

Immedjatament wara dan il-perijodu, l-Kummissjoni trid tibda teżamina l-poloz tal-pakkett issiġillat ta’ dak il-Membru illi l-post tiegħu jkun tbattal.

Il-pakkett ta’ Chris Cardona fih 3,968 polza u għaldaqstant il-kwota għall-elezzjoni każwali trid tkun dik ta’ 1985. Għal darb’oħra, l-għadd se jsir manwali kif kien sar fl-elezzjoni tal-2017.

Share With: