Christian Panucci u Marcello Lippi ma kinux jaraw għajn m’għajn

L-ex difensur internazzjonali Taljan, Christian Panucci, ammetta li qatt ma kellu relazzjoni tajba mal-ex coach tat-team nazzjonali Taljan Marcello Lippi.

Panucci kien qed jitkellem waqt intervista li kellu ma’ dan l-istazzjon Taljan meta qal li l-karriera tiegħu kienet waħda mimlija suċċessi ma’ Milan u Roma iżda wkoll ma’ Real Madrid fejn magħhom rebaħ il-UEFA Champions League fis-sena 1998.

Madankollu l-ikbar dispjaċir tal-istess Panucci kien meta Lippi ma sejjaħlux fl-iskwadra finali ta’ 23 player li kellhom imorru fil-Ġermanja għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja mirbuħa fl-2006. Hu qal li aktar qabel waqt logħba ta’ ħbiberija li kellu mal-Azzurri, l-istess Lippi kien widdbu u hu xejn ma ħadha tajba tant li qabad joffendih.

Dan kollu ġiegħel lil Lippi biex iħalli barra lil Panucci u tilef opportunitá li jkun parti minn dak it-team li spiċċa rebaħ t-titlu mondjali 14-il sena ilu.

Share With: