Club Brugge dikjarati champions meta fadal 11-il partita għat-tmiem tal-kampjonat Belġjan

Il-kampjonat Belġjan se jieqaf … u Club Brugge se jiġu nkurunati champions

Bil-pandemija tal-coronavirus toħloq ħerba u kaos madwar id-dinja fejn issa aktar minn miljun persuna ġew infettati kif ukoll mietu aktar minn 35,000 persuna, l-isport mondjali waqaf ħesrem.

Il-football mhuwiex eċċezzjoni. Proprju nhar l-Erbgħa li għadda l-UEFA ħabbret li ssospendiet il-kompetizzjonijiet Ewropej b’mod indefinit. L-Assoċjazzjonijiet madwar id-dinja għadhom qed jistudjaw is-sitwazzjoni f’pajjiżhom jekk jitwaqqfux il-kampjonati.

L-FA Belġjana kienet l-ewwel assoċjazzjoni li ħadet id-deċiżjoni tagħha … li twaqqaf il-kampjonat u l-klassifika tibqa’ tgħodd kif inhi. Għaldaqstant Club Brugge se jiġu dikjarati champions.

Issa din id-deċiżjoni trid tkun approvata fil-laqgħa tal-Assemblea Ġenerali tal-15 ta’ dan ix-xahar liema process li huwa mifhum li se jkun formalitá.

Bħalissa Club Brugge jinsabu jillidjaw il-klassifika bi 15-il punt meta fadal partita għat-tmiem tal-ewwel fażi.

Normalment il-kampjonat huwa kompost minn 16-il team. L-ewwel sitta jilagħbu fi Play-Offs I fejn jilagħbu darbtejn kontra xulxin għar-rebħ tal-kampjonat filwaqt li dawk it-timijiet li jtemmu  mis-7 għas-16-il post jilagħbu fi Play-Offs II fejn jingħaqdu magħhom sitt timijiet mill-Ewwel Diviżjoni B. Dawn jinqasmu fi gruppi ta’ erbgħa fejn jilagħbu darbtejn kontra xulxin. It-team li jispiċċa fl-aħħar post jiġi relegat.

Għaldaqstant meta jonqos 11-il partita għat-tmiem Club Brugge huma l-ewwel team Ewropew li saru champions taħt dawn iċ-ċirkostanzi.

Tgħid inħoloq precedent?

Share With: