Coronavirus: Biżgħa kbira li l-isport iż-żgħir jista’ jisfaxxa

Fil-jiem li ġejjin, grupp xjentifiku li qabbad il-Gvern Ingliż u li kien qed jinvestiga l-emerġenza li ħolqot il-Covid-19, se jkun qed jirċievi proposti biex il-ħajja sportiva fir-Renju Unit terġa’ tqum fuq saqajha. Dan il-grupp qed jevalwa kull possibbiltá filwaqt li jinsab konxju li mhux se tkun biċċa xogħol faċli wara ġimgħat sħaħ ta’ waqfien mill-attivitajiet sportivi.

Fil-pjan hemm li l-Premier League Ingliż, it-tiġrijiet taż-żwiemel u l-cricket ikunu qed jintlagħbu iżda bil-bibien magħluqa. Fl-    is­tess waqt se jkun qed isir iktar ittestjar għall-coronavirus filwaqt li tibqa’ tinżamm id-distanza soċjali neċessarja.

Jiġri x’jiġri, wieħed jista’ jgħid li f’dawn iż-żmini­jiet xejn normali li qegħdin ngħixu fihom, il-Permier League se jkun qed joħroġ mingħajr xi danni partikolari.

Minkejja li d-dannu finanzjarju mhux se jkun żgħir u minkejja li l-players se jonqsilhom ftit id-dħul tagħhom, iktar ma jgħaddi ż-żmien dawk l-istess flus se jerġgħu jiġu … bejn id-drittijiet televiżivi u sponsors li b’mod gradwali se jerġgħu jibdew jagħtu s-sehem tagħ­hom lil-logħba tal-football.

F’dan ix-xenarju diversi assoċjazzjonijiet sportivi oħra fl-Ingilterra qed iħossuhom ferm beżgħana li se jkunu huma li se jbatu l-konsegwenzi tal-Covid-19 speċjalment jekk l-attivitajiet tagħhom ma jiġux segwiti minn miljuni ta’ nies bħalma jiġri fil-football. 

Diversi studjużi li jispeċjalizzaw fil-finanzjament tal-isport qed isostnu li r-riċessjoni li tinsab fiha d-dinja bħalissa se jkollha effett negattiv kbir fuq ċerti sport u attivitajiet oħra.

Wieħed minn dawn l-istudjużi għażel li jitkellem dwar postijiet ta’ divertiment sportiv u fuq kollox dawk il-gyms li batew ħafna ladarba kellhom jingħalqu minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Hu qal li dawn jinsabu f’periklu kbir li jingħalqu darba għal dejjem minħabba t-telf finanzjarju li għamlu diġá u li diffiċli jerġgħu jġibuh lura.

Il-futur ta’ ċerti faċilitajiet jinsab ferm inċert aktar u aktar meta l-Gvern Ingliż sostna li għad fadal xi ftit biex jibda jingħata l-vaċċin kontra dan il-virus.

Huwa fatt magħruf li dawn il-postijiet ta’ rikreazzjoni u fl-istess ħin ta’ eżerċizzju fiżiku għandhom djun kbar x’iħallsu lis-sidien tal-kera tagħhom li baqgħu jippretendu l-flus minkejja li jinsabu magħluqin.

Matul din il-ġimgħa UK Active, li tirrappreżenta lil madwar 3,500 gym kummerċjali u ċentri oħra ta’ divertiment wissiet li s-sidien tal-kera ta’ dawn il-posti­jiet xorta waħda jridu l-flus tagħhom u lesti li jieħdu lill-operaturi l-qorti jekk ma jagħmlux dak li hu dovut minnhom. Minkejja li ħafna kienu qed jappellaw għas-sens komun, dawn is-si­dien mhux lesti jċedu pulzier f’dan ir-rigward.

F’dan il-kuntest kollu, il-kunsilli lokali ftit jistgħu jgħinu f’din il-problema minħabba li anke huma għaddejjin minn sfidi finanzjarji kbar. Huma kel­lhom joqogħdu lura fl-għaj­nuna finanzjarja għal tfal vulnerabbli u pensjonanti u għalhekk il-prospetti li jagħtu daqqa t’id biex jibnu aktar parks, pixxini u ċentri ta’ rikreazzjoni huma ferm ‘il bogħod.

Ironikament kienu l-is­tess kunsilli lokali li nsistew li l-gyms u postijiet ta’ divertiment jibqgħu jħallsu l-kirjiet tagħhom b’dawn tal-aħħar xejn m’apprezzaw din id-dikjarazzjoni.

Sadanittant skond rapport li ħareġ riċentement, aktar minn 200 grounds tal-football li jinsabu fi skejjel primarji, sekondarji u post-sekondarji ġew mibjugħa filwaqt li 700 ground ieħor ġew magħluqa jew mneħħija f’dawn l-aħħar għaxar snin.

Wieħed ma jistax jinsa wkoll 700 tennis courts u 80 faċilitjiet tal-cricket li wkoll għalqu l-bibien tagħhom. Dan xejn ma jawgura taj­jeb għall-ġejjieni tal-isport f’ċerti bliet u żoni fl-Ingilterra.

Ħafna ġenituri u żgħażagħ li jipprattikaw l-isport qed jistaqsu diversi mistoqsijiet. Fost l-oħrajn huma qed jistaqsu jekk it-tfal hux se tispiċċalhom il-lezzjoni tal-edukazzjoni fiżika li tant ikunu qed jistennew. Fl-is­tess waqt kemm-il ġimgħa jew xahar iridu jistennew sportivi żgħażagħ oħra biex jerġgħu jipprattikaw dak li jħobbu?

Fil-fatt jekk diversi ċentri ta’ divertiment u rikreaz­zjoni jkomplu jagħlqu l-bibien tagħhom, se tkun diffiċli biex jiġi pprattikat sport indoor bħal badminton, netball u volleyball.

Anke l-yoga, li kibret ferm fil-popolaritá tagħha, se tkun diffiċli li jinstab post għaliha għax l-ispazji rikreattivi se jkomplu jonqsu.

Diversi persuni li jgħixu fir-Renju Unit qed tgħaddilhom minn rashom li se jkollhom jistennew mhux ħażin biex jerġgħu jirritornaw għall-klassi tal-edukaz­zjoni fiżika minħabba li hemm problemi finanzjarji kbar u b’nuqqas ta’ sponsors, dawn l-attivitajiet se jdumu ħafna ma jibdew.

Skond statistika li saret dan l-aħħar, wara l-mixi u l-għawm hemm żewġ sports li jintlagħbu ġewwa u li qed jiffaċċjaw problemi kbar jekk tkompli din l-inċertezza finanzjarja.

Dawn huma s-snooker u d-darts li numru kbir ta’ nies jipprattikaw u li jgħinuhom biex jiltaqgħu wkoll soċjalment. Dan kollu jista’ ma jkunx possibbli jekk ċerti ċentri ma jħallsux il-kera tagħhom.

Meta mistoqsija x’kienu qed jagħmlu n-nies f’dawn l-aħħar ġimgħat kemm ilha li faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus, ħafna sost­new li qed jiddedikaw ruħ­hom għal keep-fit u l-yoga filwaqt li oħrajn qed jilagħbu l-football ma’ ħbieb, isuqu r-rota jew jiġru xi ġirja.

Bil-gyms li baqgħu magħluqin ħafna sostnew li minkejja li hemm lockdown xorta waħda jsibu ċ-ċans biex għall-inqas iduru dawra madwar il-blokk fejn jgħixu biex iżommu ruħhom attivi fiżikament.

Meta ġew mistoqsija x’inhuma l-biżgħat tagħhom għall-isport li jipprattikaw, kollha kienu tal-fehma li se jonqsu iktar iċ-ċansijiet tagħhom li jerġgħu jmorru fiċ-ċentru favorit tagħhom minħabba nuqqas ta’ fondi.

Jekk nerġgħu nirritornaw għal-logħba tant popolari tal-football, diversi osservaturi qalu li minkejja li l-Premier League mistenni jkompli wara li tiġi rrilaxxjata l-ordni tal-logħbiet bil-bibien magħluqa, se jkun diffiċli li wieħed jara l-grounds ippakkjati kif kienu qabel minħabba diversi fatturi.

Se jkun hemm nies li se jibqgħu jibżgħu minn din il-pandemija filwaqt li ħafna se jfittxu l-prijoritajiet finanzjarji tagħhom u mhux se jonfqu flus fuq divertiment kif ġieb u laħaq.

Finalment l-opinjoni ġe­nerali hi dik li l-Gvern Ingliż jrid jagħti l-għajnuna tiegħu biex l-isport jibqa’ għaddej u jiġi sostnut qabel ma jkun hemm mewta naturali ta’ xi wħud minnhom.

Dan jista’ jfisser katastrofí nazzjonali li tagħti lok għal aktar inattivitá u problemi ta’ obeżitá.

Share With: