Covid-19: Il-Premier League Ingliż għadu ‘l bogħod mis-soluzzjonijiet

F’konferenza stampa tal-Premier League Ingliż li fiha kellhom jingħataw dettalji dwar l-aħħar żviluppi ta’ kif se jkompli l-istaġun ma kellhiex il-konklużjoni mixtieqa tant li ma ntlaħaq l-ebda qbil. Fil-fatt l-intenzjoni ta’ dawk kollha li attendew għal din il-laqgħa kienet dik li jsiru xi dati proviżorji fil-kalendarju tal-logħob li fadal.

Minkejja kollox, ma kienx hemm qbil unanimu fuq l-iskeda l-ġdida ta’ partiti minħabba li l-inċertezza fejn għandu x’jaqsam Covid-19 għadha wisq kbira.

Jidher li dawk kollha involuti f’din il-laqgħa don­n­hom qatgħu qalbhom li jibdew jaħdmu fuq xi dati meta proprju l-Gvern Ingliż għadu kemm estenda l-lockdown fil-pajjiż.

Ħafna kienu tal-fehma li minkejja kull pjan li jistgħu jagħmlu, fl-aħħar mill-aħħar iridu jkunu l-awtoritajiet tas-saħħa tal-pajjiż li jagħtu struzzjonijiet ċari meta kollox jista’ jerġa’ jibda bħal qabel.

Il-membri kollha fi ħdan il-Premier League jafu li teżisti pressjoni kbira minn dawk kollha nvoluti biex jitkompla l-istaġun aktar u aktar meta hemm obligazzjonijiet finanzjarji li jridu jiġu onorati.

F’dawn l-aħħar ġimgħat kemm ilu wieqaf il-logħob domestiku, ħafna kienu qed jaħsbu fil-baħħ li jista’ jkun hemm xi ħaġa mingħajr lanqas biss ħasbu għall-pjan konkret ieħor.

Waħda mit-temi l-aktar jaħarqu bħalissa hija proprju l-kuntratti tal-players li ħafna minnhom jagħlqu fl-aħħar ġurnata ta’ Ġunju.

Dawk il-players huma liberi li jmorru ma’ min iridu bil-clubs involuti jistgħu ji­tilfu ħafna jekk ma jsibux soluzzjoni immedjata qabel ma’ jgħaddi aktar iż-żmien.

Hawn pront qabżu diversi osservaturi tal-football Ingliż li qalu li diversi persuni fit-tmexxija tal-clubs qed idawru fehmithom wisq malajr u ma jafux x’iridu eżatt. Eżempju ta’ dan kienet id-deċiżjoni li ċerti clubs xeħ­tu lill-ħaddiema anċillari tagħhom fuq leave sfurzat biex ftit ġranet wara rtiraw kollox wara pressjoni mill- partitarji tagħhom stess.

Huma komplew jgħidu li qed isiru wisq żbalji minn dawk involuti fil-clubs Ingliżi minħabba li ħafna minnhom tathom rashom u ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu iktar.

Il-fatt li l-logħob jinsab wieqaf u diversi pjani u proġetti finanzjarji sarulhom duħħan aktar jikkonferma kemm qalb dawn id-diriġenti iktar qed tħabbat għall-flus milli għall-interess tal-club rispettiv tagħhom. Il-fatt li kollox għadu mdendel ifisser ukoll li se jibqgħu jsiru żbalji sforz is-sitwazzjoni ddisprata li jinsabu fiha.

Membri fi ħdan il-Premier League iridu stabbiltá, xi ħaġa li bħalissa mhux garantita. Huma jridu li l-20 club li jiffurmaw dan l-ogħla kampjonat fil-pajjiż ikunu jistgħu jkomplu bl-istaġun tagħhom.

Anke l-UEFA hi favorevoli għal dan anke għax iridu jiġu deċiżi t-timijiet li se jkunu qed jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet Ewropej is-sena d-dieħla. Din l-istess assoċjazzjoni Ewropea tinvesti ħafna flus fil-UEFA Champions League u ċertament li mhux se tħalli l-affarijiet imdendla. Fil-fatt l-aħħar fażijiet ta’ din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża se tkun qed titkompla fl-aħħar ġimgħa ta’ Awwissu proprju meta s-soltu ħafna mill-kampjonati jkunu se jibdew.

Barra mir-Renju Unit, hemm pajjiżi oħra li huma realistiċi u ddeċidew li minflok joqogħdu jistennew u jittamaw, qabdu u waqqfu l-istaġun fejn jew iddikjaraw rebbieħ tal-kampjonat ris­pettiv jew inkella għamluh bħala null.

Eżempju ta’ dan hu fil- Belġju meta dawn waqqfu l-Jupiter League u taw it-titlu lil Club Brugge li kienu qed jokkupaw l-ewwel post tal- klassifika qabel din il-waqfa sfurzata.

Mill-banda l-oħra, il-Fe­derazzjoni tal-Football Spanjol ddeċidiet li l-ewwel erba’ timijet fil-klassifika ta’ La Liga se jkunu qed jipparteċipaw fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla tal-UEFA Champions League dejjem jekk l-istaġun ma jkompliex.

Fil-veritá din setgħet tkun l-għażla naturali anke għall- Premier League iżda minħabba l-pressjoni finanzjarja li hemm fi ħdan diversi clubs u l-assoċjazzjoni innifisha, dan kollu ma jistax iseħħ. Għalhekk wieħed irid jiddetermina r-rebbieħ tal-kampjonat kif ukoll min se jiġi promoss u relegat.

Huwa fatt magħruf li dan il-kampjonat prestiġjuż jiġġenera miljuni ta’ ewros fi drittijiet televiżivi, sponsors u mitt elf ħaġ’oħra u għaldaqstant mhux xi ħaġa faċli li jieqaf kollox f’daqqa.

Mhux tal-istess fehma kienu l-partitarji u segwaċi tal-football Ingliż li, fi stħarriġ li sar mill-istazzjon Brittanniku, BBC, żvela li l-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew kienu favur li l-istaġun attwali jiġi ddikjarat null u qisu ma ntlagħab qatt.

Huma qalu li ma tagħmilx sens li tkompli l-kampjonat fl-istat ta’ inċertezza li jinsab fih ir-Renju Unit apparti li mhux daqshekk motivanti għall-players li jilagħbu il-logħob kollu li fadal bil-bibien magħluqa jew li jibqgħu sejrin bil-logħob fix-xhur sħan tas-sajf.

Żgur mhux forsi li dan l-istħarriġ ma tantx jagħti ħaqq lill-partitarji ta’ Liverpool li ilhom ħafna snin jistennew ir-rebħ tal-kampjonat u li żgur li ma jaqblux li l-istaġun jiġi null.

Fil-fatt ir-Reds għandhom vantaġġ sostanzjali ta’ 25 punt fuq l-eqreb rivali tagħhom Manchester City u għaldaqstant jinsabu sitt punt bogħod mir-rebħ tat-titlu.

L-istess Liverpool ma jixtiqux li jirbħu dan it-titlu, li ilu nieqes għal 30 sena sħaħ, fi ground vojt. Fl-istess waqt mhux ix-xewqa tagħhom li l-kampjonat jintrebaħ fuq il-mejda minħabba li jix­tiequ jagħmlu dan kollu bil-mertu kollu tagħhom.

Finalment it-timijiet li jiffurmaw parti mill-Premier ma lagħbux l-istess numru ta’ partiti s’issa minħabba li qabel il-waqfa sfurzata kien hemm xi clubs involuti fil-League Cup.

B’hekk, is-sitwazzjoni xejn ma tidher faċli għal dawk kollha involuti fl-ogħla kampjonat fl-Ingilterra.

Kulħadd qed jistenna li din il-pandemija tal-coronavirus tibda tbatti bil-mod għax minkejja li ħafna mit-timijiet se jirritornaw għas-sessjonijiet ta’ taħriġ, huwa l-logħob li jrid joħloq il-verdetti definittivi.

Jekk dan kollu ma jseħħx il-problemi se jkomplu jik­bru dejjem aktar mingħajr ħjiel ta’ kif tista’ tiġi żblukkata jew aħjar solvuta s-sitwazzjoni.

Share With: