“Dawk f’diffikultà fiż-żona ta’ tfittix u salvataġġ ta’ Malta għandhom ikunu salvati” – L-Arċisqof Charles J. Scicluna

“Il-persuni kollha f’diffikultà fiż-żona ta’ tfittix u salvataġġ ta’ Malta għandhom ikunu salvati u s-sigurtà tagħhom għandha dejjem tkun garantita.” 

Dan qalu l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna f’kumment li tella’ fuq il-profil tiegħu ta’ Twitter. Huwa stqarr: “Li jiġu salvati ħajjiet u li jiġi żgurat li dawn jinżlu f’post sigur huwa obbligu legali fundamentali u morali li bl-ebda mod ma jista’ jiġi negozjat jew irrinunzjat.”

L-Arċisqof żied jgħid li bħalma ilha tagħmel il-Knisja f’Malta għal snin twal, hija se tkompli toffri r-riżorsi tagħha biex tilqa’ lill-immigranti salvati fil-baħar. “Dan huwa test ieħor għall-umanità u l-ospitalità tradizzjonali tagħna. Malta tfisser kenn sigur,” tenna l-Arċisqof. 

Il-ġimgħa li għaddiet il-Gvern iddikjara li Malta ma kinitx se taċċetta u tiggarantixxi salvataġġ ta’ aktar immigranti fid-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja li jinsab fiha pajjiżna fil-ġlieda tiegħu biex jikkontrolla l-imxija tal-Coronavirus. 

Intant, numru ta’ għaqdiet ingħaqdu mal-appell li għamel l-Arċisqof biex jiġu salvati l-persuni kollha taħt ir-responsabbiltà ta’ Malta u li s-sigurtà tagħhom tkun garantita. 

L-għaqdiet tennew ukoll il-messaġġ tagħhom biex Malta tirrevoka d-deċiżjoni li tagħlaq il-portijiet tagħha għal persuni salvati fuq il-baħar, huma min huma. 

Dawn l-għaqdiet huma: aditus foundation, African Media Association Malta, Association for Justice, Equality and Peace, Blue Door English, The Critical Institute, Cross Culture International Foundation, The Daphne Caruana Galizia Foundation, Foundation for Shelter and Support to Migrants, Integra Foundation, Isles of the Left, Jesuit Refugee Service (Malta), KOPIN, Malta Emigrants’ Commission, Migrant Women Association Malta, Moviment Graffitti, Office of the Dean – Faculty for Social Wellbeing, University of Malta, People for Change Foundation, SOS Malta, Spark15, Sudanese Migrants Association, Syrian Solidarity in Malta, Secretariat Assistenza Soċjali, Paolo Freire institute, St. Jeanne Antide foundation, Fondazjoni Sebħ, Church homes for the elderly, Malta Association of Social Workers, Dar tal-Providenza, Peace and Good Foundation, Maltese Association of Psychiatry.

Share With: