“Diffiċli ħafna li fl-immedjat immorru lura għal li konna”

Miktub Minn MATTHEW CHARLES ZAMMIT

Wara l-Covid-19, kif se terġa’ tirpilja l-ekonomija Maltija? Inewsmalta titkellem ma’ tliet ekonomisti fuq l-impatt preżenti, u s-soluzzjonijiet futuri, għan-negozji lokali fid-dawl tal-pandemija

Fid-dawl tal-aħħar sondaġġ ippubblikat mill-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, fuq l-impatt ekonomiku li l-pandemija tal-Covid-19 ħalliet fuq in-negozji lokali, L-Orizzont tkellem ma’ tliet ekonomisti differenti fuq is-sitwazzjoni preżenti, kif ukoll fuq it-triq twila lura wara li jbattu l-effetti negattivi fuq is-saħħa pubblika.

Tkellimna ma’ Dr Philip von Brockdorff, Kap tad-Dipartiment tal-Ekonomija fi ħdan l-Università ta’ Malta, mal-ekonomista Dr Gordon Cordina, kif ukoll l-ekonomist żagħżugħ Kearon Bruno.

Cordina:  Importanti li l-ħaddiema ikollhom xogħol produttiv anke waqt dan iż-żmien”

F’kumment ma’ dan il-ġurnal, l-ekonomista Gordon Cordina saħaq li, waqt li l-iskemi tal-Gvern qegħdin hemm “biex jgħinu lill-ħaddiema jżommu l-post tax-xogħol tagħhom, huwa daqstant ieħor importanti li kemm jista’ jkun, l-istess ħaddiema jkollhom xogħol produttiv x’jagħmlu, anke matul dan iż-żmien ta’ attività wieqfa għal bosta negozji.”

Skont Dr Cordina, dan l-imsemmi xogħol produttiv “iżomm ir-rota tal-ekonomija ddur, u jista’ jgħin biex meta niġu biex nirpiljaw mill-kriżi, jkollna prodott turistiku aħjar, u ħaddiema iktar imħarrġa. U dawn biss fost l-eżempji l-iktar ovvji.” 

Huwa saħaq ukoll li dawn huwa ż-żmien biex kemm il-Gvern, u s-settur privat, jagħtu attenzjoni speċifika lejn proġetti ambjentali, meta dan jista’ jkun tal-inqas inkonvenjent immedjat għall-poplu inġenerali.

“Madanakollu, biex dan kollu isir realtà, hemm bżonn ta’ iktar ħidma bejn l-imsieħba soċjali kollha fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, f’dan il-qasam.”

Von Brockdorff: Il-previżjoni ta’ tnaqqis fl-ekonomija ta’ 2.8% “tista’ attwalment tkun ħafna ikbar”

Intant, Dr Von Brockdorff saħaq li kieku ma kinitx għall-pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mniedi mill-Gvern, “l-impatt fuq in-negozju lokali kienu ikun devastanti, b’numru ta’ negozji kien ikollhom jagħalqu, u numru ta’ ħaddiema jispiċċaw bla impjieg”

“L-għajnuna mogħtija, fosthom il-garanzija fuq self b’rati tal-imgħax issussidjat, kif ukoll posponiment ta’ ħlas ta’ taxxi, huma “shock abosrber” ekonomiku, però n-nuqqas ta’ dħul u attività minn setturi bħat-turiżmu, akkomodazzjoni, kif ukoll il-manifattura, qiegħed jinħass. Dan kollu jfisser li l-ekonomiija Maltija, minn tkabbir ta’ 4.5%, qiegħed jiġi previst li din sejra tonqos b’2.8%.”

Von Brockdorff saħaq li huwa qiegħed jipprevedi li dan it-tnaqqis jista jkun ikbar, minħabba d-dipendenza qawwija tal-ekonomija tagħna fuq it-turiżmu. “X’aktar li l-attività ekonomika tonqos b’5.5%, li huwa impatt sostanzjali u ċertament differenti minn dak lli kien previst.”

“Il-finanzi pubbliċi wkoll ser iħossu l-effett b’mod doppju, kemm min-nuqqas ta’ dħul relatat mat-tnaqqis ta’ konsum u investiment fil-pajjiż, kif ukoll il-posponiment ta’ ħlasijiet ta’ taxxi u bolol minn negozji lokali. Jekk ir-restrizzjonijiet imposti se jdumu iktar minn Ġunju, naħseb li l-Gvern se jkollu jerġa’ jirtokka l-pakkett ta’ għajnuna, biex nevitaw li jintilfu eluf ta’ impjiegi.”

“Il-governanza tajba fil-finanzi pubbliċi kienet essenzjali

L-istess Von Brockdorff saħaq kif ir-rendikont pożittiv li kien irreġistrat ripetutament fil-finanzi tal-Gvern, għen biex il-pakkett ta’ għajnuna imniedi “tħabbar kważi b’mod immedjat biex jilqa’ dan il-kriżi. Meta l-finanzi pubbliċi jinsabu f’defiċit, huwa ferm iktar diffiċli biex ir-rispons sseħħ b’mod immedjat.”

“Hekk ġara fl-Italja pereżempju, fejn il-Gvern Taljan kellu jirrikorri biex jagħmel pressjoni qawwija, iżda mingħajr suċċess, biex l-Unjoni Ewropea tapprova ħruġ ta’ hekk imsejħa ‘corona bonds.’ Fil-każ ta’ Malta, il-Gvern ma ssellef xejn mill-Mekkaniżmu Ewropej għall-Istabbiltà, u qiegħed jissellef iż-żewġ biljun Ewro permezz ta’ self lokali, minn sorsi lokali. Għalhekk, il-Gvern Malti mhux marbut b’kundizzjonijiet li jistgħu jxekklu t-tkabbir ekonomiku fil-ġejjieni.”

Von Brockdorff semma kif l-iskemi mnedija tal-Gvern, fosthom dik tal-posponiment tal-ħlas ta’ taxix u bolol, għandhom jgħinu “biex il-likwidita tan-negozji ma tixxuttax għall-aħħar.”

Mistoqsi fuq kif pajjiżna għandu jaġixxi biex jirritorna għan-normal, von Brockdorff ammetta “li se jkun diffiċli ħafna li b’xi mod immedjat nerġgħu lura għal li konna. Ċertament mhix “business as usual”, però dan m’għandux jaqtgħalna qalbna.”

“Jekk neħtieġu prassi differenti kemm fuq il-post tax-xogħol, kif ukoll fuq kif nivjaġġaw, dan għandu jsir b’mod maħsub. Jista’ jkun il-każ li ma nilħqux il-livelli ta’ attività ekonomika li rajna f’dawn l-aħħar snin, madanakollu, xejn ma jżomm in-negozji milli joħolqu attivitajiet ekonomiċi ġodda fejn mhux meħtieġa l-preżenza fiżika ta’ min qiegħed jixtri.”

Bruno: L-użu tat-teknoloġija se jkun il-mudell standard ta’ għada

Tkellimna wkoll mal-ekonomista Kearon Bruno, li esprima l-opinjoni tiegħu li “l-effett tal-Covid-19 fuq l-ekonomija globali se jkun ferm agħar minn dak li esperjenzajna fil-kriżi finanzjarja tal-2008. F’din il-kriżi, qegħdin naraw xokk estern, kemm fuq il-provvista u d-domanda tal-prodotti, b’mod speċjali r-riżors uman.”

“Bħala Gvern, dan kien kommess li l-ħajja tal-individwi tiġi l-ewwel u qabel kollox, u kien għalhekk li żied b’mod drastiku n-nefqa fis-settur tas-saħħa. B’riżultat ta’ hekk, kien hemm żieda kurrenti akbar għall-Gvern.”

Huwa saħaq kif l-għajnuna finanzjarja pprovduta mill-Gvern, “għalllinqas fl-iskala li ġiet mogħtija, ma kinitx tkun possibbli kieku l-Gvern ma kienx ekonomikakment għaqli fl-aħħar snin. Il-Gvern kellu juża riżorsi li akkumula matul is-snin, grazzi għas-surplus li kien qiegħed jirreġistra, u li b’hekk seta’ jkun ġeneruż fi żminijiet diffiċli bħal dawk li qegħdin ngħixu illum.”

Fuq x’għandu bżonn isir biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv, Bruno saħaq li “huwa diffiċli li wieħed jgħid eżatt x’għandu jsir biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv. Nifhem li numru ta’ negozji, anke bl-għajnuna tal-Gvern, xorta qed isibuha diffiċli li jlaħħqu mal-ispejjeż kurrenti tagħhom, iżda l-uniku mod kif dawn in-negozji jerġgħu jqumu fuq saqajhom huwa billi nirritornaw għan-normal mill-aktar fis possibli u dan jista’ jsir billi l-individwi jsegwu l-istruzzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa.”

“Spunt pożittiv li tajjeb li nelenkaw u li ħareġ tul din il-pandemija huwa kif numru ta’ negozji irnexxielhom jadattaw u jbidlu l-mudell tagħhom sabiex isibu mezz kif jistgħu jkomplu joperaw. Tajjeb li nsemmu ukoll l-użu ta’ mezzi ta’ teknoloġija biex ħafna laqgħat setgħu jkunu jistgħu isiru b’mod virtwali. Ovvjament, il-mobilità lokali, xorta se tiġġenera attività ekonomika li tista’ ssalva numru ta’ negozji. Min-naħa ta’ għajnuna finanzjara, il-Gvern diġà provda lin-negozji l-faċilità li jisselfu għall-perjodu ta’ sentejn b’garanzija tal-Gvern u sussidju kbir mill-Gvern fejn jidħlu interessi, jiġifieri minn dan il-lat, qegħdin naraw assistenza finanzjarja mill-Gvern li tmur oltre mill-perjodu tal-Covid-19.” 

Share With: