Djun jew għotjiet?

Minn ALFRED SANT

Wieħed mill-punti li dwaru għadhom ma qablux l-Ewropej fit-tħejjija tal-programm tagħhom ta’ rkupru ekonomiku jirrigwarda kif għandhom jinħarġu l-fondi – b’self jew b’għotja?

Anke fuq dan qam nuqqas ta’ qbil bejn “nord” u “sud”. Tal-ewwel iridu self, tat-tieni għotja. Kontroversji bħal dawn ikomplu jxaqqu l-iskorċa ta’ solidarjetà bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea, li qatt ma kienet ħoxna. Il-pajjiżi li jinsabu minn taħt ma jridux li biex ifiqu mill-corona virus, jitgħabbew b’aktar djun. Tifhimhom.

Ħareġ b’soluzzjoni oriġinali l-eks Prim Ministru Belġjan Verhofstadt. Fuq il-bażi tal-baġit tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea tista’ toħroġ self “perpetwu”, jiġifieri bla data meta jissarraf. Għax il-Kummissjoni titqies bħala entità tal-akbar valur, l-imgħax li tissettja għaċ-ċedoli li toħroġ ikun mill-irħas. Sena wara l-oħra, tħallas dan l-imgħax bħala spiża fil-baġit tagħha.

Fl-imgħoddi hawn Malta kienu popolari mal-publiku ċedoli “perpetwi” simili maħruġa mill-gvern Ingliż: consols, jisimhom. Jidhirli li did-darba Verhofstadt ħareġ b’waħda tajba.

***

Akwakultura

Meta Malta tasal biex twettaq il-ħidma ta’ rkupru ekonomiku tagħha, hemm settur li ma tridx tinsa – dak tal-akwakultura, tat-trobbija tal-ħut fix-xbieki, fejn għal xi żmien konna l-pijunieri tal-Mediterran.

Uħud mill-operaturi tagħna fl-aħħar snin qalgħu daqqa: in parti għax ma qagħdux attenti biżżejjed għal kif ħadmu fil-qafas tal-ftehimiet internazzjonali li jirregolaw is-sajd u t-trobbija tal-ħut, speċjalment tonn; in parti għax kien hemm taħwid mhux żgħir min-naħa amministrattiva tal-gvern Malti; u in parti għax kompetituri, speċjalment minn Spanja, u s-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea raw kif igħabbu l-bigħa għad-dannu tal-operaturi Maltin.

Il-biża’ hu li bil-kriżi ekonomika ta’ issa, l-akwakultura bbażata f’Malta tista’ tmur aktar lura. Il-pjan ta’ rkupru ekonomiku tagħna jeħtieġlu jieħu ħsieb ukoll ta’ dil-problema.

***

Abbandunati

Matul il-ħajja li ngħixu, kemm inħallu warajna proġetti abbandunati! – f’’termini personali ta’ relazzjonijiet, jew ta’ karriera u xogħol, jew ta’ sport u żvog!

Kelli okkażjoni dil-ġimgħa nagħraf dan meta waqt li nirranġa u nwaddab karti qodma li tagħmel x’tagħmel jibqgħu jakkumulaw, sibt pitazz mimli kitba antika tiegħi. Il-pitazz kellu xi ħames kapitli ta’ rumanz li kont bdejt nikteb imma li waqaft u qatt ma komplejtu.

Li laqatni l-aktar kien li sibt ukoll abbozz ta’ pjan għal kif ir-rumanz kellu jiżviluppa, kapitlu kapitlu sal-aħħar, u b’lista tal-karattri kollha. Ma niftakarx li kelli dan id-dettall lest. U bilfors li ilu ħafna li l-kapitli u l-pjan inkitbu kemm għax il-kaligrafija bilkemm tingħaraf minn tiegħi tal-lum. U kemm għax qatt wara ma ktibt rumanz li kien isegwi pjan minn qabel, bħal ma kellu dal-proġett abbandunat.

Share With: