“Dmirna huwa li niġbdu l-istess ħabel” – L-Ewroparlamentari Maltija Josianne Cutajar

“Biex kulħadd isofri mill-inqas l-impatt tal-emerġenza li ninsabu fiha, jeħtieġ li lkoll niġbdu ħabel wieħed, u naħsbu fit-tul dwar id-deċiżjonijiet tagħna.”

Hekk qalet Josianne Cutajar f’ittra lill-familja tas-Soċjalisti u Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, fejn filwaqt li enfasizzat l-importanza tad-drittijiet tal-konsumatur, fissret li, li nisfurzaw lil-linji tal-ajru jagħtu rifużjoni immedjata lill-passiġġieri li tħassrulhom it-tijiriet tkun tfisser kundanna għal falliment għal ħafna linji tal-ajru fl-Ewropa.

L-Ewroparlamentari Maltija fakkret li x-xogħol ta’ eluf kbar ta’ nies jiddependi fuq il-linji tal-ajru, u setturi importanti bħat-turiżmu jistrieħ kompletament fuq l-avjazzjoni. Globalment, minbarra li din is-sitwazzjoni se tkun qed iġġib telf li jlaħħaq is-€60 biljun għal-linji tal-ajru, huwa mbassar li l-impatt se jdum jinħass, hekk kif l-ivjaġġar bl-ajru mistenni jonqos b’20% matul is-sena d-dieħla.

“Irridu nkunu sensittivi u sensibbli,” qalet Cutajar. “Dan l-impatt negattiv se jolqot bl-iktar mod b’saħħtu lil dawk il-konsumaturi li l-aktar rridu nipproteġu.”

Hija sejħet għal soluzzjonijiet raġjonevoli, li ma jpoġġux piż esaġerat fuq il-linji tal-ajru u li ma jġiegħlux lill-konsumatur jagħmel tajjeb għall-isfidi tal-industrija. Billi l-konsumatur jingħata ċ-ċans li jieħu prodott ta’ valur ogħla minn dak li ħallas għalih, li jista’ jagħmel użu minnu meta jkun l-aktar konvenjenti għalih, jonqos ir-riskju fuq is-settur u fl-istess waqt ma jbatix il-konsumatur, enfasizzat Cutajar.

Fl-aħħar ġimgħat, l-Unjoni Ewropea ssospendiet b’mod temporanju r-regolamenti li jorbtu lil-linji tal-ajru joperaw ir-rotot tagħhom, biex tnaqqas it-telf tagħhom, filwaqt li ssospendiet ukoll ir-regoli dwar għajnuna mill-iStat, biex tiffaċilita assistenza lill-kumpaniji f’riskju

Fl-ittra tagħha, Cutajar enfasizzat l-importanza tat-trasparenza u l-bżonn ta’ djalogu ma jaqtax fuq livell Ewropew biex jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet.

Fl-aħħar ġimgħat, flimkien mat-Task Force għat-Turiżmu fil-Parlament Ewropew, hija sejħet għal Pjan t’Azzjoni Ewropew biex jiġi salvat is-settur turistiku, u għal dan l-għan, bdiet tiltaqa’ mal-istakeholders lokali.

“L-appell għas-sensittività japplika għal kull każ u settur f’dawn iċ-ċirkostanzi. Nistgħu nevitaw sitwazzjoni fejn il-ħaddiem joħodha kontra min iħaddmu, is-sid kontra min jikri, min ibigħ kontra min jixtri, jekk inkunu raġjonevoli u nagħmlu għażliet li jaħsbu fil-futur ta’ kulħadd,” temmet Cutajar.

Share With: