Dunstan Vella u Christian Spiteri jtajru l-bandiera Maltija fil-FIFA eNations and Play Cup

Il-midfielder ta’ Hibernians u tat-team nazzjonali, Dunstan Vella, se jkun qed iġorr il-bandiera Maltija fit-tournament inawgurali tal-FIFA eNations and Play Cup.

Vella, li għandu 23 sena u li huwa player mill-aqwa ta’ FIFA 20  li qed iżomm lil Hibernians fl-ogħla pożizzjonijiet tat-tournament inawgurali BOV ePremier League, se jkun qed jingħaqad ma’ Christian Spiteri li huwa rrankjat fin-numru 1 fuq il-PS4 u bħalissa qed jokkupa l-ewwel post tal-BOV ePremier League waqt li qed jirrapreżenta lil Santa Lucia FC. Spiteri li rrapreżenta wkoll lil Malta fil-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għall-eEURO 2020, iktar kmieni matul din is-sena rnexxielu jagħmilha mal-aħħar 16 tal-FIFA eClub World Cup.

It-tournament tal-FIFA 20, Stay and Play Cup, li huwa ftehim konġunt bejn EA Sports u l-FIFA, għandu l-għan li jġib ma’ xulxin lill-kommunitá virtwali tal-football matul il-pandemija tal-COVID-19.

Iż-żewġ players Maltin se jkunu qed jilagħbu fi grupp diffiċli hekk kif se jkunu qed jaffaċċjaw lill-Italja, il-Portugal u Spanja. Il-Federazzjoni tal-Football Taljana (FIGC) innominat lill-captain ta’ AC Milan, Alessio Romagnoli, bħala l-player ewlieni taghhom waqt li l-attakant ta’ Wolves, Diogo Jota se jkun qed imexxi lill-Portugal. Spanja għadhom iridu jiffinalizzaw l-għażla tat-team tagħhom.

Vella u Spiteri se jkunu qed jiftħu l-impenji tagħhom it-Tlieta kontra l-Portugal segwita mill-partita kontra l-Italja fejn kull player se jkun qed jaffaċċja lill-avversarju tiegħu. L-ewwel partita tibda fil-5.00pm.

Nhar l-Erbgħa Malta taffronta lil Spanja fl-aħħar partita minn Grupp A, liema partita wkoll tibda fil-5.00pm.

Ir-rebbieħ ta’ Grupp A jikseb post għall-fażi tan-Knock-Out, li se tintlagħab il-Ġimgħa. Is-semi-finali u l-finali huma skedati għal nhar is-Sibt li ġej.

Share With: