Ex membri tal-eżekuttiv tal-FIFA akkużati b’korruzzjoni abbinata mat-Tazza tad-Dinja 2018 u 2022

Skond  prosekuturi fl-Istati Uniti, l-ex uffiċjali eżekuttivi tal-FIFA ġew imxaħħma sabiex jivvutaw lir-Russja u l-Qatar biex dawn il-pajjiżi jospitaw l-edizzjonijiet rispettivi tat-Tazza tad-Dinja. 

Bħalissa l-FBI qed tinvestiga bir-reqqa kull tip ta’ allegazzjoni u fis-seduta tal-Qorti li saret jumejn ilu, ġew żvelati xi dettalji ferm sensittivi li mill-ewwel qanqlu ħafna suspetti. 

F’dawn id-dettalji hemm imniżżel li xi membri mill-kumitat eżekuttiv tal-FIFA ġew offruti somom kbar ta’ flus sabiex jinfluwenzaw il-votazzjoni finali. 

Fil-fatt id-dipartiment tal-ġustizzja għamlu allegazzjonijiet kontra Nicolas Leoz, li huwa l-ex president tal-CONMEBOL u l-president tal-Federazzjoni Brażiljana Ricardo Teixeira.

Kemm Leoz kif ukoll Teixeira ġew akkużati li ħadu l-flus biex jagħtu l-vot tagħhom lil Qatar li eventwalment se torganizza t-Tazza tad-Dinja tas-sena 2022. 

Implikat ukoll f’dan l-iskandlu hemm l-eks viċi-president tal-FIFA, Jack Warner, li wkoll ingħata s-somma ta’ £4 miljun biex jgħin fil-votazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li saret fir-Russja sentejn ilu. Dawn tal-aħħar irnexxielhom jegħlbu lill-Ingilterra biex kellhom id-dritt jorganizzaw l-akbar kompetizzjoni mondjali tal-football.

Persuna oħra li ssemmiet li wkoll kienet imxaħħma sabiex jinfluwenzaw din il-votazzjoni tant importanti kien l-ex membru tal-FIFA Exco, Rafael Salguero, li hu mill-Gwatemala.

Sadanittant wieħed minn dawk l-allegati li rċevew xi flus, jiġifieri Nicolas Leoz, miet waqt li kien arrestat f’daru fil-Paragawaj filwaqt li Teixeira kien sospiż milli jersaq lejn ground tal-football ieħor fid-dinja. 

F’aktar dettalji li ħarġu wara s-seduta tat-Tlieta filgħodu kienu jinkludu wkoll membri eżekuttivi fil-kumpanija televiżiva “21st Century Fox” li kienu mixlija li wettqu xi pagamenti lil xi uffiċjali tal-football fl-Amerika t’Isfel sabiex jiġu assigurati xi drittijiet televiżivi.

Finalment tkellem l-assistent direttur fi ħdan l-FBI, William Sweeney, li qal li dan huwa skandlu ferm gravi minħabba li fihom kienu involuti uffiċjali għolja f’waħda mill-iktar assoċjazzjoni b’saħħitha fid-dinja. 

Share With: