Fi Spanja l-players u l-blanen se jkunu sterilizzati

Il-pitches u l-blalen għandhom ikunu steri­lizzati ta’ spiss meta l-football Spanjol jirritorna biex jitnaqqas iċ-ċans li players jinfettaw mill-coronavirus il-ġdid, qal tabib ewlieni fl-isport.

Il-football Spanjol ilu wieqaf mill-10 ta’ Marzu minħabba l-pandemija u l-partijiet interessati qed ifasslu pjani biex jitlesta l-istaġun kurrenti bil-ħsieb li jiġi evitat telf finanzjarju katastrofiku, għalkemm għad trid tiġi stabbilita data għar-ritorn.

Il-president tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba tal-clubs tal-football Spanjol, Rafa Ramos, spjega kif se jkunu l-kundizzjonijiet meta l-logħbiet, li huma stabbiliti biex jintlagħbu fi grounds mingħajr spettaturi, jerġgħu lura.

“Il-materjal kollu, anke l-pitches, iridu jkunu sterilizzati qabel il-partita, fil-mistrieħ u wara,” qal Ramos.

“Huwa possibbli li tiġi nfettat mill-ballun iżda meta tkun milqut minn ballun sterilizzat fuq wiċċ sterilizzat huwa diffiċli ħafna li tiġi nfettat.”

Ramos qal ukoll li l-istaff mediku kien imħasseb dwar żieda fl-injuries meta l-istaġun jerġa’ jibda hekk kif il-players ġew imġiegħla jitħarrġu d-dar minħabba l-kundizzjonijiet stretti tal-lockdown ta’ Spanja.

“Aħna mhux biss inkwetati bil-virus. Il-players kellhom tmien ġimgħat mingħajr ma jikkompetu, ingħalqu fi djarhom u mhux kollha għandhom djar kbar fejn jistgħu jagħmlu taħriġ fiżiku,” żied jgħid Ramos.

“Ma nafux kemm idumu biex jirkupraw mingħajr ma naraw żieda fil-korrimenti, u għalhekk se jkollna nestendu l-perjodu sakemm ikun meħtieġ biex niżguraw li r-riskji huma minimi.”

Share With: