Fil-jiem li ġejjin se jittieħdu deċiżjonijiet importanti dwar il-kampjonati rispettivi

Fil-jiem li ġejjin se jittieħdu bosta deċiżjonijiet kif il-kampjonati tal-football fl-Ewropa jippjanaw li jtemmu l-istaġuni li ilhom weqfin minħabba l-pandemija tal-coronavirus, iżda x’aktarx ikun hemm pakkett ta’ soluzzjonijiet bil-pajjiżi jmorru f’direzzjonijiet differenti.

Il-laqgħat stabbiliti se jiġu studjati kif se jerġgħu jibdew il-kampanji sospiżi, minkejja li se jkun diffiċli li toħroġ bi pjan definittiv waqt li l-kontinent jibqa’ fil-qabda tal-virus li jinxtered malajr.

L-Erbgħa, il-UEFA se tiddiskuti ċ-Champions League ta’ dan l-istaġun waqt li l-Premier League se tagħmel konferenza bit-telefon nhar il-Ġimgħa bis-suġġerimenti se jkunu qed jikkunsidraw li jibdew l-istaġun kmieni f’Mejju biex jevitaw li jitilfu d-dħul mix-xandir.

Għażla waħda fuq il-mejda hija li l-istaġun jitkompla bil-bibien magħluqa biex jintemm sat-12 ta’ Lulju, u b’hekk jiġu evitati miljuni ta’ liri ta’ penali fil-kuntratti tat-televiżjoni tagħhom.

Huma jridu wkoll li jsolvu kwistjonijiet ta’ promozzjoni u relegazzjoni biex jevitaw battalji legali potenzjali, bħal dak mhedded minn clubs non-league li l-istaġun tagħhom diġà huwa mitmum.

Fl-Italja, li ilha f’lockdown għal aktar minn tliet ġimgħat u għandha t-total tal-imwiet li qabeż it-12,000 vittma, hemm sentiment dejjem jikber li l-istaġun għandu jkun abbandunat.

Il-clubs Ġermaniżi ltaqgħu fi Frankfurt b’diversi għażliet drastiċi fuq il-mejda.

Il-kampjonat Ġermaniż se jisma’ proposti biex f’nofs Mejju jew f’nofs Ġunju terġa’ tibda l-Bundesliga u l-istaġun jintemm tard f‘Lulju.

Ġie suġġerit ukoll minn xi clubs li jiġi organizzat kampjonat ta’ 16-il ġurnata, b’bosta logħbiet kuljum u l-clubs jilagħbu kull jumejn sabiex itemmu t-82 logħba li fadal sat-30 ta’ Ġunju, inklużi s-semi-finali u l-finali tat-Tazza Ġermaniża.

Iżda l-prospett li l-clubs ta’ La Liga fi Spanja jilagħbu kull jumejn kien wieħed li xejn ma qabel miegħu l-president ta’ Barcelona, Josep Maria Bartomeu.

Ligue 1 fi Franza jinsab ukoll taħt pressjoni biex jirritorna wara li l-istazzjon televiżiv Canal Plus qal li mhux se jħallas il-pagament li jmiss tal-kuntratt tagħhom wara s-sospensjoni tal-logħbiet.

Il-clubs Olandiżi kienu qed jistennew tħabbira dwar estensjoni possibbli tal-projbizzjoni  fuq ġimgħat wara l-1 ta’ Ġuju.

Fil-Belġju, it-tmexxija tal-kampjonat se tiltaqa’ l-Ħamis wara sejħa mill- maġġoranza tal-clubs tal-Ewwel u tat-Tieni Diviżjoni biex iwaqqfu l-kumplament tal-istaġun 2019-20.

Il-FIFA qed tippjana li tippermetti li l-kuntratti tal-players li jintemmu fit-30 ta’ Ġunju jiġu estiżi sakemm jintemm l-istaġun.

Share With: