Fil-jiem li ġejjin se tittieħed deċiżjoni meta l-football Taljan se jissokta

Il-Ministru għall-Isport Taljan, Vincenzo Spadafora, qal li deċiżjoni dwar meta l-clubs jistgħu jerġgħu jibdew it-taħriġ tagħhom se ssir “fil-jiem li ġejjin”.

Il-bieraħ Spadafora ltaqa’ mal-presidenti tal-Federazzjoni Taljana tal-Football (FIGC), tal-Lega Serie A, tas-Serie B, tal-Lega Pro, tal-Assoċjazzjoni tal-Players (AIC), tal-Assoċjazzjoni tar-Referees Taljani (AIA), mal-Federazzjoni tal-Mediċina Sportiva u membri tal-Kumitat Xjentifiku Tekniku li fasslu l-protokal.

Fil-laqgħa huma ddiskutew meta jista’ jerġa’ jibda l-football fil-pajjiż f’nofs il-pandemija tal-coronavirus, bit-taħriġ mistenni jibda x-     xahar id-dieħel.

Għalkemm id-data ma setgħetx tiġi determinata, il-politikant ikkonferma li waħda kienet imminenti.

“Jiena smajt l-opinjonijiet differenti li ttieħdu b’attenzjoni kbira,” qal Spadafora wara l-laqgħa.

“Fil-jiem li ġejjin, wara diskussjoni mal-Ministru tas-Saħħa u l-Kumitat Xjentifiku Tekniku, aħna se noħorġu regoli aġġornati rigward il-possibbiltà li jerġgħu jibdew is-ses­sjonijiet tat-taħriġ.”

L-Italja ilha f’lockdown mill-10 ta’ Marzu u t-taħriġ ma jistax jibda sakemm id-digriet jintemm fit-3 ta’ Mejju.

Ladarba li jibda b’testijiet regolari, il-players se jinżammu fi gruppi żgħar biex iżommu d-distanza soċjali u jagħmlu ritorn f’saħħithom fejn huwa mistenni li l-ewwel logħbiet ikunu s-semi-finali tal-Coppa Italia fis-27 u fil-31 ta’ Mejju bil-bibien magħluqa fl-Olimpico ta’ Ruma.

Jekk kollox jimxi kif maħsub is-Serie A tibda fit-2 u fit-3 ta’ Ġunju.

Share With: