Ġenju tal-matematika miet bil-Coronavirus

L-Ingliż John Horton Conway li vvinta l-logħba famuża “Game of Life” ħalliena fl-età ta’ 82 sena 

Miktub Minn Carmen Cachia       

Id-dinja tilfet lill-ġenju tal-Matematika magħruf fuq livell internazzjonali, John Horton Conaway, fl-età ta’ 82 sena wara li kellu kumplikazzjonijiet ikkawżati mill-Coronavirus. Conway sar famuż fl-isfera tal-matematika u tax-xjenza grazzi għall-kontribut kbir tiegħu f’dawn l-oqsma b’mod speċjali fl-iddisinjar ta’ logħob tal-matematika, bl-aktar waħda famuża l-“Game of Life” kif ukoll għall-kitba tiegħu fil-magażin prestiġġjuż “Scientific American”.

Il-pandemija tal-Covid-19 ħalliet eluf ta’ vittmi madwar id-dinja kollha b’total ta’ aktar minn 170,000 persuna mejta. Dan il-virus ġdid li orġina miċ-Ċina u jattakka l-pulmun, m’għandux ħniena u l-aktar li huma fil-periklu huma l-anzjani u l-persuni vulnerabbli. Conway huwa wieħed minn dawn il-vittmi u minħabba li kien f’età avvanzata, huwa rrapportat li ma felaħx jiġġieled għal ħajtu wara li kellu komplikazzjonijiet ikkawżati mill-virus. 

Fost persuni oħra famużi, issuspettati li mietu minħabba l-Covid-19 hemm l-attur Allen Garfield; il-kantant tal-mużika country John Prine; l-attriċi Lee Fierro minn “Jaws”; l-attur Jay Benedict li kellu rwoli f’”Aliens” u “The Dark Knight Rises”; l-attur Forrest Compton; l-attriċi Patricia Bosworth; l-eks Prim Ministru Libjan Mahmoud Jibril; l-artist komiku Juan Gimenez; il-mużiċist Adam Schlesinger; il-gitarrist tal-mużika Jazz, Bucky Pizzarelli; il-pjanist Ellis Marsalis Jr; il-kok famuż Jesus Roman Melendez; id-disinjatriċi tal-moda Jenny Polanco; l-ex President tal-Olympique Marseille, Pape Diouf; ix-xjenzata ta’ fama internazzjonali għax-xogħol tagħha fuq l-HIV, Gira Ramjee; il-kirurgu James T. Goodrich li kien minn tal-ewwel li b’suċċess issepara tewmin imwaħħla mill-moħħ; il-mużiċist Joe Diffie; il-komiku Ken Shimura; il-mużiċist Alan Merrill; u l-attur Mark Blum.

Il-ġenju “maġiku”

Ix-xogħol ta’ Conway għaqqad iż-żewġ dinjijiet tar-rikreazzjoni u tal-intelletwali bil-matematika, fejn bil-ġenju tiegħu, irnexxielu jagħmel logħob avventuruż li jinvolvu xogħol ta’ ħsieb u viċi versa. Il-kontribuzzjonijiet tiegħu jinkludu t-teorija tan-numri, it-teorija tal-coding, it-teorija tal-probabbiltà, alġebra u ħafna oħrajn, iżda aktar minnhekk, huwa kien irnexxielu joħloq logħob li jinvolvu dawn it-teoriji matematiċi fihom.

Imwieled fir-Renju Unit, John Horton Conway kien matematiku minn Princeton li x-xogħol tiegħu kien ikopri temi intellettwali għall-aħħar sa oħrajn ferm aktar sempliċi għall-użu rikreattiv. Huwa rebaħ għadd ta’ premjijiet u kiseb reputazzjoni bħala ġenju kreattiv u bravu mmens, tant li kien deskritt bħala l-“ġenju maġiku”. 

Dr Conway miet fi New Brunswick, N.J. u martu Diana qalet li r-raġel tagħha kien f’dar tal-anzjani meta tilef il-battalja kontra l-Coronavirus. 

Il-matematiku u kollega ta’ Dr Conway, Neil Sloane f’intervista qal li personalment huwa jemmen li Conway kien probabbilment l-aktar persuna fid-dinja li kellu immaġinazzjoni ta’ dan il-livell. Flimkien dawn il-professuri tal-matematika waqqfu l-“On-Line Encyclopedia of Integer Sequences” fejn Sloane qal li, “ħdimt ma’ ħafna nies f’ħajti iżda huwa kien l-aktar persuna li kien kapaċi jsib ir-risposta malajr għal kull somma tal-matematika. Conway kien tip ta’ bniedem li jibqa’ jistudja fil-fond kull tema li tinteressah, speċjalment il-matematika, sakemm sa fl-aħħar isib ir-risposta għaliha”. 

Dawn iż-żewġ akkademiċi huma wkoll l-awturi ta’ 50 studji ppubblikati fl-edizzjoni “Sphere Packings, Lattices and Groups”.

Sena li bidlitlu ħajtu…

Fis-sena deskritta minnu bħala l-“annus mirabilis”, li kienet bejn l-1969 u l-1970, Conway skopra dak li huwa magħruf bħala l-Conway Group, entità fid-dinja tas-simetrija matematika li fiha 24 spazju dimensjonali. Huwa skopra tip ieħor ta’ numri, dawk li nsejħulhom “in-numri surreali” u fl-istess perjodu wkoll ħoloq il-“Game of Life” li kienet u sa ċertu punt għadha, waħda mill-isbaħ logħob tal-kompjuter li jinvolvu l-matematika, li qatt ġiet ivvintata. 

Conway kellu ħafna intervisti li fihom tkellem dwar din il-logħba u kif ġietu f’moħħu. B’erba’ regoli sempliċi li kulħadd jista’ faċilment jiftakarhom, il-Game of Life hija logħba li ġennet ġenerazzjoni sħiħa fiż-żmien li ħarġet u għadha studjata u ammirata mill-ġenerazzjonijiet preżenti. Iddisinjata biex tintlagħab oriġinarjament fuq “board” mimli kaxxi, il-Game of Life tibda bl-evoluzzjoni tas-cells li minnhom joħorġu ħafna disinni sbieħ li wieħed irid jaraha u jesperjenzaha biex jara l-meravilji li joħroġu minn tant sempliċità. 

Il-ħabib tiegħu, Martin Gardner, l-awtur ta’ diversi artikli dwar il-logħob matematiku fuq il-magażin “Scientific American”, ikklassifika l-logħba “Game of Life” ta’ Dr Conway bħala “l-aktar logħba famuża u intelliġenti li qatt ġiet ivvintata”. Huwa ammetta li fl-aqwa perjodu tal-popolarità ta’ din il-logħba, kwart tal-kompjuters fid-dinja kellhom din il-logħba fuqhom.

“Il-logħba LIFE ta’ Conway bidlitli ħajti,” stqarr il-mużiċist Brian Eno. F’email li kiteb, Eno qal li, “naħseb li anke Conway innifsu kien iħoss li l-logħba hija pjuttost sfida, iżda għal persuna bħali li m’inix xi ġenju tal-matematika, ixxokjatni għall-fatt li ndunajt kemm minn tant sempliċità jistgħu joħorġu tant affarijiet kumplessi”.

Waħda mill-oqsma ġodda fil-matematika li Conway ivvinta kienet dik tan-numri surreali li huma numri li ma jispiċċaw qatt, inklużi dawk tradizzjonali – l-integers, il-fractions, u l-pi, kif ukoll dawk surreali li huma “fuq, lil hinn, taħt u fin-numri normali”. Flimkien dawn in-numri jagħqdu l-infinit u l-infinitesimals.

Dr Conway dejjem kien jittama li xi darba n-numri surreali jidħlu fl-applikazzjonijiet prattiċi bil-għan li forsi fil-futur jgħinuna nifhmu l-univers fil-kosmos u l-iskali kwantistiċi (quantum scales).

Waħda mill-aktar kisbiet li qatt kellu għal qalbu kienet dik tat-Teorija tar-Rieda Ħielsa (Free Will Theorem) li rnexxielu jasal għaliha tul 10 snin analiżi flimkien mal-ħabib u l-kollega minn Princeton – Simon Kochen. L-istudji u t-tagħrif ta’ dak li wassal għal din it-teorija, kien ippubblikat għall-ewwel darba fl-2006 u wara saret reviżjoni.

Din it-teorija fi kliem sempliċi hija li, jekk l-istudjużi tal-fiżika ikollhom rieda ħielsa waqt li jkunu qegħdin jagħmlu l-esperimenti, allura l-partiċelli wkoll ikollhom rieda ħielsa fil-ħin tal-esperiment. U din, Dr Conway u Dr Kochen jemmnu li forsi tispjega għala u kif in-nies għandhom rieda ħielsa b’mod in ġenerali.

Martin Gardner qal li Richard Feynman kien ġenju maġiku u Conway kien matematiku maġiku u li din hija differenti ħafna mill-ġenji “normali” u minn dawk li huwa jiddeskrivi bħala “ordinarji”. 

Min kien John Horton Conway?

Imwieled fis-26 ta’ Diċembru tal-1937 f’Liverpool, fir-Renju Unit, Conway kien it-tielet wild u l-uniku iben bejn il-koppja Cyril u Agnes (Boyce). Missieru kient waqqaf l-istudji tiegħu fl-età ta’ 14-il sena u kien jaqla’ lira grazzi għall-memorja fotografika li kellu billi jilgħab l-azzard. Aktar tard huwa kien mar jaħdem f’laboratorju tal-kimika fi skola tas-subien f’Liverpool, fejn kien jagħmel l-esperimenti għall-istudenti. Foshom dawn kien hemm George Harrison u Paul McCartney.

Omm Conway kienet tħobb taqra ħafna, b’mod speċjali kotba ta’ Dickens. Hija bdiet taħdem mill-età tenera ta’ 11-il sena u l-familja tagħha dejjem irrakkontaw kif kienet tiftaħar lil binha fl-età ta’ erba’ snin biss kien diġà ferm avvanzat fil-matematika mill-maġġoranza tat-tfal tal-età tiegħu u anke minn dawk akbar minnu.

Fit-18 ta’ April tal-1956 John Conway mar l-Università ta’ Cambridge fejn kiseb id-dottorat. Huwa kien imfakkar fl-università bħala l-istudent li meta kien jingħata somma biex isolviha, minflok kien imur b’soluzzjoni tajba ħafna għal somma kompletament differenti.

Bħala student Dr Conway kien pjuttost għażżien, li kien jippreferi jilgħab u ma jagħmel xejn. Waħda mill-għaxqiet tiegħu kienet li jidħol f’diskussjonijiet kontroversjali dwar temi matematiċi fosthom dik li kellu dwar il-flexagon meta Gardner iddeskriva dawn il-forom bħala “poligoni mitwija li għandhom karatteristiċi fantastiċi u jinbidlu mill-faċċata meta jitgħawġu”.

Conway bena kompjuter li kienet jaħdem bl-ilma u semmieh “Winnie” (Water Initiated Nonchalantly Numerical Integrating Engine). Huwa kien ħabib u kollaboratur tal-ġeometra Coxeter li ħadem ix-xogħol klassiku intitolat “Mathematical Recreations and Essays”.

Huwa kien impjegat bħala assistant lecturer f’Cambridge u l-kollega tiegħu Peter Swinnerton-Dyer qal li Dr Conway żgur kien l-aktar edukatur kariżmatiku fil-kulleġġ. Tul il-karriera tiegħu, Conway ivvinta għadd kbir ta’ logħob fosthom “Phutball”. L-isem ta’ din il-logħba huwa fil-qasir għal dak orġinali – il-Philospher’s Football – li hija simili għal-logħba “Checkers”.

Il-logħob ta’ dan il-ġenju kienu maħbuba u wżati minn eluf ta’ studenti li ggradwaw mill-Università ta’ Cambridge, fosthom Simon Norton. Flimkien ma’ Dr Conway, Norton ippubblika l-“Monstrous Moonshine Conjecture” – studju investigattiv dwar grupp ta’ simeterija li jgħix f’196,883 dimensjonijiet. 

Tul il-karriera tiegħu f’Cambridge, Dr Conway laħaq professur tal-matematika kif ukoll issieħeb fil-fellowship ta’ Gonville u Caius College. Huwa sar membru tar-Royal Society fl-1981.

Fl-1985, flimkien ma’ erba’ awturi oħra, huwa ppubblika “The Atlas of Finite Groups” li kienet wieħed mill-aktar kotba importanti dwar it-teorija tal-gruppi. Fl-istess sena huwa kien mistieden bħala kelliem fi Princeton fejn wara ġie offrut xogħol ieħor. Fl-1987 huwa ħa l-pożizzjoni li kien jokkupa John von Neumann bħala l-professur tal-matematika applikata u komputazzjonali. Huwa u jħabbar il-ħatra l-ġdida, il-president ta’ Princeton iddeskriva lil Dr Conway bħala wieħed mill-aktar matematiċi prominenti f’dawn l-aħħar 100 sena.

Fi Princeton dan il-professur kien anke segwit ħafba mill-mezzi tax-xandir fejn sarulu ħafna intervisti u fl-1992 huwa ssieħeb fl-Akkademja Amerikana tal-Arti u x-Xjenza. 

L-ewwel żewġ żwiġijiet tiegħu – dak ma’ Eileen Howe u Larissa Queen, intemmu b’divorzju. Huwa kellu erbat itfal ibniet mill-ewwel żwieġ – Annie, Ellie, Susie Conway u Rosie Wayman, żewġt itfal subien mit-tieni żwieġ – Oliver u Alex u iben mal-aħħar mara tiegħu – Gareth. Huwa kien nannru ta’ tlieta u bużnannu ta’ sitta.

Dr Conway kien jemmen li l-matematika huwa suġġett li wieħed għandu jieħu pjaċir jitgħallmu iżda ħafna drabi dan is-suġġett ikun mgħallem b’serjetà żejda. Dan, skont hu, ma jfissirx li l-istudenti għandhom jitgħallmu matematika sempliċi, iżda, li għandhom jieħdu pjaċir jirraġġunaw u jaħsbu anke jekk dawn ikunu affarijiet u somom kumplessi. Għalih kien importanti li fit-tagħlim tal-matematika jinżamm l-element ta’ logħob għax” meta tieħu pjaċir f’dan is-suġġett tant sabiħ, isir ħafna għal qalbek u tifhmu aħjar”.

Share With: