Gennaro Gattuso jixħet video ta’ kuraġġ fuq Instagram

F’video li l-coach ta’ Napoli, Gennaro Gattuso, xeħet fuq il-profil personali tiegħu fuq Instagram, deher evidenti li tqawwa mhux ħażin filwaqt li ħalla d-daqna tikbirlu wkoll hekk kif bħalissa jinsab fuq lockdown fl-Italja. 

Il-coach ta’ 42 sena għamel dan il-video sabiex jappella lil kulħadd jibqa’ d-dar u jobdi l-istruzzjonijiet li qed jagħtu l-awtoritajiet tas-saħħa.

L-ex player ta’ Milan u tat-team nazzjonali Taljan qal li jittama li fil-bidu tax-xahar id-dieħel ikun jista’ jerġa’ jibda jagħmel dak li jħobb, jiġifieri jikkowċja minħabba l-fatt li qed iħoss in-nuqqas tal-players tiegħu. 

Finalment Gattuso kellu kelma ta’ kuraġġ għall-partitarji ta’ Napoli li għalkemm fadlilhom mhux ftit sakemm jaraw lill-players mill-viċin xorta jkomplu jagħtu s-sapport tagħhom.

Share With: