Gżira sinjura fl-Amerika tikseb testijiet għall-Coronavirus għar-residenti kollha

Komunità esklussiva fi Florida, li tgħix fuq il-gżira Fisher, kisbet testijet għall-Coronavirus għat-800 familja u ħaddiema li jgħixu hemm. Dan wara li dawn l-istess familji għamlu din it-talba. 

Din il-gżira hi magħrufa bħala waħda fejn jgħixu wħud mill-aktar nies sinjuri fl-Istati Uniti. Dawn kisbu t-testijiet mill-Università ta’ Miami, fejn permezz ta’ kampjun tad-demm jiġi determinat jekk persuna tkunx ġiet esposta għall-virus u jekk tkunx żvilupp l-immunità kontrih. 

Dan ġie rapportat minn The Miami Herald li tkellmet ma’ rappreżentanta minn din il-gżira u spjegatilha li dan il-pass ittieħed għax nofs ir-residenti għandhom aktar minn 65 sena u allura huma vulnerabbli għall-Coronavirus. Spjegat li t-tmexxija tal-gżira staqsa lill-Università jekk setgħetx tipprovdi dawn it-testijiet lill-impjegati u lir-residenti.

Din il-gżira maħluqa mill-bniedem, li tinsab lil hinn mill-kosta ta’ Miami, hi meqjusa minn Bloomberg bħala waħda mill-aktar sinjuri fl-Amerika. Biex persuna ssir residenti hemm, trid tħallas kontribuzzjoni ta’ darba ta’ $250,000 flimkien ma’ $22,256 oħra kull sena. Dawn il-flus huma biss għall-privileġġ li tgħix fuq il-gżira. Imbagħad trid ukoll tixtri dar fuq din il-gżira li fil-medja jiswes $3.2 miljun. 

Il-privileġġi li toffri din il-gżira jinkludu bajjiet privati, golf course, marinas għall-jottijiet, spa, tennis courts u issa anke testijiet għall-Coronavirus. 

Jidher li s’issa kien hemm mill-inqas ħames każi ta’ COVID-19 fuq din il-gżira.

Share With: